Tuesday, April 30, 2024

Il-Ministeru Soċjali wettaq 95% tal-manifest elettorali

Aqra wkoll

Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal diġà wettaq 95% tal-manifest elettorali kollu minn meta gvern Laburista reġa’ kien elett sabiex imexxi l-pajjiż f’Ġunju tal-2017. Dan il-Ministeru huwa responsabbli mit-twettiq tal-maġġoranza tal-miżuri soċjali, u sa issa twettqu kompletament 24 minn 34 proposta elettorali.

Ħabbar dan il-Ministrugħas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet nhar it-Tnejn wara nofsinhar. Matul din il-konferenza ngħataw dettalji ta’ wħud mill-iktar miżuri li għamlu differenza fil-ħajja tan-nies, ewlenija fosthom iż-żieda fil-pensjonijiet, fiċ-children’s allowance, flimkien ma’ numru ta’ miżuri li jolqtu niċeċ speċifiċi.

Il-Ministru Michael Falzon qal li dawn ir-riżultati ferm pożittivi jirrifletu direttament il-qagħda soċjali b’saħħitha li lkoll qed ngawdu f’pajjiżna. Fakkar kif dan il-Gvern telaq minn sitwazzjoni ta’ defeċit eċċessiv, ħafna persuni bla xogħol, u oħrajn li kienu dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali.

Dwar ir-rati tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, kien innutat tnaqqis minn 46.1% fl-2014 għal 23.8% matul is-sena 2019, f’dik li hija ċaħda materjali u soċjali. Intqal ukoll li fix-xhur li ġejjin se tkun qed tinbidel is-sistema ta’ kif titkejjel iċ-ċaħda soċjali u materjali, meta din se tkun qed tinħadem fuq 13-il item minflok id-disgħa attwali. Dawn se jkunu qed jinkludu  7 household items u 6 items personali.

Il-Ministru Michael Falzon elenka iż-żieda fil-pensjonijiet fejn aktar minn 93,000 pensjonant din is-sena gawdew minn żieda ta’ €5 fil-gimgha. Din kienet is-sitt żieda konsekuttiva fil-pensjonijiet, u b’hekk wettaqna wegħda elettorali oħra, li laqtet tant eluf ta’ persuni.

L-introduzzjoni tat-tapering u l-‘in-work benefit’ wasslu għall-pass pożittiv li ħafna jagħżlu li jidħlu fid-dinja tax-xogħol flok jibqgħu fuq il-benefiċċji soċjali u b’riżultat t’hekk naqas anke l-faqar. It-tapering daħal fis-seħħ, matul is-sena 2014, u s’Awwissu tas-sena 2021 kien hemm 1018 persuna li gawdew minn din l-iskema. Dan in-numru għandu wkoll jittieħed f’kuntest fejn bqajna naraw jonqsu dawk fuq l-assitenza soċjali. Fil-fatt f’Lulju li għadda dawn niżlu għal iktar rata baxxa fl-istorja, fejn kien hemm biss 6043 fuq assistenza soċjali u 435 fuq l-assistenza tad-diżimpjieg.

Year Number of Tapering Beneficiaries
 December 2014  497
 December 2015  1659
 December 2016  2482
 December 2017  2539
 December 2018  1958
 December 2019  1572
 December 2020  1099

Fattur pożittiv ieħor huwa li 90% tal-benefiċċjarji baqgħu fid-dinja tax-xogħol.

In-Work Benefit

Hawnhekk wieħed jinnota kemm bqajna ninvestu fin-nies. Somma li bdiet minn miljun ewro fl-2015 u matul l-2020 telgħet ’il fuq minn €4,572,456. Minn 1359 benefiċċjarju fl-2015, dawn telgħu għal 5309 benefiċċjarju, matul is-sena 2020.

Sar ukoll investiment addizzjonali fl-In-Work Supplement, bis-somma ta’  €1,067,250. Kien parti mill-pjan ta’ riġenerazzjoni tal-Gvern f’Gunju tal-2020.

YearBeneficiariesAmount
20151359€1,063,291
20162295€1,848,142
20172828€2,183,891
20184463€3,557,488
20195093€4,386,274
20205309€4,572,456
 
  • Kompliet titħaddem ir-riforma tal-allowance tad-diżabilità biex gradwalment din tilħaq il-paga minima. Din kienet riforma li bdiet fl-2017, fejn kien hemm 240 benefiċċjarju li gawdew minnha. Matul l-2020 dan l-ammont tela’ għal 814.
  • Children’s Allowance – mill-2019 madwar 14,500 familja meqjusa bħala low income families raw żieda ta’ madwar €70 għal kull tifel u tifla, filwaqt li 26,000 familja gawdew minn żieda ta’ €50 fuq kull tifel u tifla.
  • Foster Care Allowance – Din il-miżura kienet implimentata matul is-sena 2018 għal min  jiffosterja tfal, meta din telgħet minn €70 għal €100 fil-gimgha. L-aħħar żieda wasslet sabiex din titla’ għal €110 fil-ġimgħa, li minnha qed igawdu 175 familja.
  • Għajnuna ta’ €10,000 lill-koppji li jaddottaw – Sa issa investejna  madwar  €1,049,001 għal koppji li adottaw tfal minn barra l-pajjiż. 107 koppji bbenefikaw minn dan il-grant sa issa.
  • Matul is-sena 2020, ingħataw €300 għal kull tarbija li twieldet jew inkella adottata minn barra l-pajjiż. Madwar 3000 omm gawdew minn din il-miżura sa issa.
  • Senior Citizen Grant – Madwar 37,000 persuna gawdew minn din l-għotja ġdida ta’ €300 fis-sena.

Il-Ministru Michael Falzon qal li dan kollu huwa attribwit għall-tim b’saħħtu li dejjem jara li jkompli jinvesti fin-nies. Qal li dan il-Gvern se jkompli jiġġedded u xhieda ta’ dan se jkunu l-miżuri soċjali  bla preċedent fil-Baġit għas-sena 2022.

“Dawn huma biss fost il-ħafna proposti elettorali li wettaqna bis-sħiħ. Dan il-Gvern qed ikompli jigi fdat grazzi għad-direzzjoni u l-impenn socjali li urejna matul is-snin. Il-konsistenza li bnejna matul l-ahhar snin, se tkompli tmexxina ’l quddiem sabiex inkomplu nwettqu aktar. Għamilna ħafna, u rnexxilna noħorgu aktar nies mir-riskju ta’ faqar u eskluzjoni socjali. Il-pass li jmiss huwa li nkomplu nsaħħu l-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd”, temm jgħid il-Ministru Michael Falzon .

Sport