Skemi ffinanzjati mill-Gvern qed isaħħu l-produzzjoni ta’ soluzzjonijiet favur effiċjenza fl-użu tal-enerġija għal djar u bini sostenibbli. Dan l-appoġġ qed iwassal għal adozzjoni akbar ta’ soluzzjonijiet innovattivi, bl-operaturi u s-sidien tal-propjetà ħerqana li jinvestu fis-sostenibilità.
Dan ħareġ waqt żjara li l-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli u l-Ministru għar-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, għamlu għand il-Finestral. Finestral hija kumpanija lokali li tipproduċi aperturi tal-PVC. Minbarra li tippromwovi s-sostenibilità u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija mill-bini, investiet ukoll fl-operat tagħha ta’ kuljum.
Id-diretturi ta’ Finestral, Kenneth Azzopardi u Jonathan Pace spjegaw ukoll li 90% tal-enerġija meħtieġa biex jitmexxew l-operazzjonijiet tal-kumpanija hija ġġenerata mill-pannelli solari. Barra minn hekk, kwalunkwe materjal żejjed tal-PVC li jinqata’ jiġi rriċiklat. B’hekk jonqos l-iskart u tiżdied il-kontribuzzjoni lejn ekonomija ċirkolari.
Il-Ministru Miriam Dalli stqarret, “Kburin naraw numru dejjem jikber ta’ kumpaniji Maltin li qed jadottaw il-prinċipji tas-sostenibilità, kemm f’dak li qed joffru bħala prodott, kif ukoll fil-prattiċi operattivi tagħhom. Il-bidla li qed nosservaw hija inkoraġġanti. Il-kumpaniji qed joħorġu b’soluzzjonijiet innovattivi għall-klijenti tagħhom filwaqt li joperaw b’mod sostenibbli. Kumpaniji li qed jagħmlu investimenti sinifikanti fl-effiċjenza tal-enerġija u qed inaqqsu l-iskart b’mod attiv u jsaħħu l-isforzi tagħhom ta’ riċiklaġġ.”
Permezz tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS), sidien tad-djar jistgħu japplikaw għall-għotja ta’ roof insulation u double-glazing (RIDG) meta jbiddlu l-bibien u t-twieqi tagħhom. L-għotja tkopri 50% tal-ispejjeż tar-retrofitting, b’limitu massimu ta’ €1,000. Mill-2022 sal-lum, ir-REWS diġà rċeviet 781 applikazzjoni għal din l-għotja.
Fl-istess ħin, permezz tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), ix-xerrejja ta’ proprjetajiet residenzjali jistgħu jibbenefikaw minn skema li tappoġġja bini effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Din l-iskema għandha l-għan li tinċentiva x-xiri ta’ proprjetajiet sostenibbli, u toffri għotja sa €9,000 fuq tliet snin lil xerrejja ta’ proprjetajiet eliġibbli.
Il-Ministru Jonathan Attard qal, “Huwa tassew inkoraġġanti li naraw kumpaniji bħal Finestral li qed iwittu t-triq fi prattiċi ta’ kostruzzjoni sostenibbli. L-impenn tagħhom lejn l-enerġija rinnovabbli, il-makkinarju effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u r-riċiklaġġ jimxu id f’id mal-objettivi nazzjonali tagħna. L-iskema ‘Ixtri proprjetà Sostenibbli’ li tnediet fl-aħħar jiem għandha l-għan li tippromwovi x-xiri ta’ proprjetajiet residenzjali li jiffavorixxu l-ambjent, u l-inizjattivi tal-Finestral jixhdu l-istandards li qed naspiraw li nilħqu. Billi tipparteċipa b’mod attiv fi skemi governattivi u teduka lill-pubbliku dwar l-effiċjenza fl-enerġija, Finestral qed turi kif is-settur privat jista’ jkun jissieħeb fil-mixja tagħna lejn ambjent mibni aktar sostenibbli u reżiljenti għal Malta.”
Id-Direttur ta’ Finestral Kenneth Azzopardi spjega kif investew f’makkinarju aktar effiċjenti, li jikkunsmaw ferm inqas elettriku u b’hekk komplew inqassu l-carbon footprint tal-operat tagħhom. “Finestral hija kburija li qed twettaq il-missjoni tagħha li toffri soluzzjonijiet effiċjenti fl-użu tal-enerġija permezz tal-aperturi tal-PVC tagħna. Ninsabu kuntenti wkoll li ċerti skemi li joffri l-Gvern ikomplu jsaħħu r-rieda tar-residenti li jibdlu l-aperturi li għandhom bħalissa għall-aperturi tal-PVC. Min-naħa tagħna, nagħmlu ħilitna biex niggarantixxu prodott u servizz tal-ogħla kwalità,” qal is-Sur Azzopardi.
Matul iż-żjara, il-Ministri kienu akkumpanjati mill-Inġ. Abigail Cutajar, il-Kap Eżekuttiv tal-Climate Action Authority (CAA) u l-Perit Roderick Bonnici, il-Kap Eżekuttiv tal-BCA.