“Il-baġits Ewropej għall-qasam tas-saħħa għandhom jibqgħu protetti minkejja l-isfidi ekonomiċi li ġabet magħha l-Gwerra fl-Ukrajna.” Saħaq dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne li pparteċipa fil-Kunsill Informali tal-Ministri tas-Saħħa fi Praga, fir-Repubblika Ċeka, laqgħa li matulha kienu diskussi l-isfidi li qed jaffaċċjaw is-setturi tas-saħħa b’ konsegwenza tal-isfidi ekonomiċi li qed jaħkmu d-dinja.
Tul l-istess laqgħa, kienet diskussa l-assistenza li l-Unjoni Ewropea tista’ tagħti lill-Ukrajna sabiex terġa’ tinbena s-sistema tas-saħħa fil-pajjiż, filwaqt li ġie diskuss kif il-kura tal-pażjenti Ukreni li bħalissa qed tingħata mill-Istati Membri tista’ titkompla mingħajr interruzzjoni, ġaladarba dawn ir-refuġjati jirritornaw lura f’pajjiżhom. Għal din il-parti tal-laqgħa attenda l-Ministru għas-Saħħa Ukren li wera l-apprezzament ta’ pajjiżu għas-solidarjetà tal-kollegi fil-qasam tas-saħħa u tal-appoġġ li wrew l-Istati Membri tul l-aggressjoni Russa.
Il-laqgħa ffukat ukoll fuq il-vaċċinazzjoni u kif dan huwa l-iżjed mod effettiv ta’ kif tipprevjeni l-mard, fejn id-Deputat Prim Ministru Fearne għal darb’oħra saħaq fuq il-bżonn li l-Unjoni Ewropea tibqa’ tixtri r-riżorsi mediċi b’mod konġunt. “Issa nafu li s-sistema ta’ joint procurement taħdem, u rridu nkomplu nużaw dan il-mudell meta nixtru l-vaċċini u mediċini oħra” sostna d-Deputat Prim Ministru Fearne.
Il-Ministri tas-Saħħa ddiskutew ukoll kif il-prevenzjoni tal-kanċer tista’ titjieb, u kif l-Istati Membri jistgħu jaħdmu aħjar flimkien fil-kura tal-pażjenti bil-kanċer.