Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, attendew il-laqgħa tal- Kunsill tal-AGRIFISH fi Brussell fejn ġew diskussi l-proposti l-ġodda tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) kif ukoll il-preparazzjonijiet tal-UE għal-Laqgħa Annwali tal-ICCAT.
Il-Ministru Anton Refalo sostna li minkejja elementi pożittivi fil-proposti tal-PAK, għad hemm approċċ ġenerali uniformi li ma jindirizzax b’mod adegwat ir-realtajiet ta’ Stati Membri żgħar bħal Malta.
Huwa spjega li l-bdiewa u r-raħħala Maltin joperaw f’kundizzjonijiet diffiċli minħabba n-nuqqas ta’ art, l-ispejjeż għoljin tal-produzzjoni minħabba l-insularità, in-nuqqas ta’ ilma u ċ-ċokon tal-għelieqi u l-irziezet. Fir-rigward tal-proposta għal uniformità fil-pagamenti bbażati fuq l-art, il-Ministru tenna li r-rati proposti huma ferm ‘il bogħod mir-realtà tal- bdiewa tagħna u li Malta teħtieġ aktar flessibbiltà sabiex iżżomm l-appoġġ bażiku neċessarju għall-produtturi żgħar.
Huwa esprima tħassib ukoll dwar l-appoġġ marbut mal-produzzjoni, li ma jindirizzax biżżejjed il-ħtiġijiet tas-setturi lokali li jiddependu fuq struttura agrikola żgħira. “Il-bdiewa u r-raħħala tagħna jaħdmu f’kundizzjonijiet li ftit li xejn jinstabu f’pajjiżi oħra. Huma jaħdmu fuq art limitata, jaffaċċjaw sfidi klimatiċi dejjem jikbru u għandhom spejjeż aktar għoljin minħabba l-insularità.
Politika agrikola li ma tirrikonoxxix dawn ir-realtajiet, tpoġġihom fi żvantaġġ u tista’ twassal għal abbandun tal-art. Għalhekk jeħtieġ approċċ Ewropew li jagħraf dawn id-differenzi, b’aktar flessibbiltà u appoġġ proporzjonat, sabiex il-bdiewa u r-raħħala tagħna jkunu jistgħu jkomplu jipproduċu u jgħixu b’dinjità,” sostna l-Ministru Refalo.
Il-Kunsill iddiskuta diversi temi marbuta mas-sajd, fosthom il-kwoti tas-sajd għas-sena li ġejja, riformi strutturali fil-politika komuni tas-sajd u kif ukoll il-fondi Ewropej marbuta mas-sajd. Fir-rigward tal-kwoti, Malta sostniet li jekk ix-xjenza turi li jkun hemm lok għal żieda fil-kwoti tat-tonn, dan għandu jsir b’mod ġust u li jippremja lil dawk is-sajjieda li għamlu sagrifiċċji matul is-snin li għaddew – fosthom dawk Maltin.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qalet, “L-Unjoni Ewropea teħtieġ bidla fil-politika tas-sajd biex tkun tista’ taċċellera l-bidliet neċessarji li għandhom iwasslu biex iżjed żagħżagħ jidħlu fis-settur tas-sajd. Dan ukoll permezz ta’ fondi Ewropej li fil-mument jagħmluha diffiċli ħafna biex jgħinu lil sajjieda żgħażagħ u investimenti fil-bastimenti.
”Is-segretarju parlamentari rringrazzjat ukoll lill-Kummissjoni Ewropea tal-azzjoni li ttieħdet fl-aħħar jiem fil-laqgħa annwali tal-GFCM, b’azzjonijiet konkreti fuq bastimenti li jwettqu sajd illegali. Filwaqt li dan għandu jkompli biex jiġi assigurat is-sigurtà tas-sajjieda tagħna u s-sostenibbiltà tas-sajd”

