Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Dr Jonathan Attard, attenda u pparteċipa fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li saret fi Brussell. Il-laqgħa ffukat fuq diversi temi importanti biex tkompli tissaħħaħ il-ġustizzja u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea.
L-Aġenda tal-laqgħa bdiet b’diskussjoni dwar id-dinjità u l-protezzjoni ta’ adulti f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbilità, bil-Ministru Attard itenni li “Malta tilqa’ dan ir-regolament, iżda fl-istess waqt tappella biex l-UE tkun aktar ambizzjuża u tirifletti l-iżviluppi li saru mill-adozzjoni tal-Konvenzjoni tal-Aja tas-sena 2000 dwar il-Protezzjoni tal-adulti”. L-għanijiet ta’ din il-proposta huma li jsaħħu l-awtonomija, id-dinjità u l-protezzjoni ta’ adulti f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà. Il-Ministru rrijafferma l-impenn ta’ Malta, li hekk kif issa jibdew innegozjati mal-Parlament Ewropew, se tkompli toffri l-appoġġ kostruttiv tagħha bl-għan li jintlaħaq ftehim fuq Regolament li jagħti valur miżjud u tassew isaħħaħ l-awtonomija ta’ dawn il-persuni.
Il-Ministru intervjena wkoll fil-laqgħa u rrikonoxxa l-passi konkreti u prattiċi biex inkomplu nsaħħu l-għarfien u l-implimentazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fit-tfassil tal-politika. Huwa tenna li “Malta, tilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li dawn id-drittijiet għandhom ikunu meqjusa bis-serjetà fl-istadji kollha rilevanti, hekk kif inkomplu nfasslu l-politika, dejjem skont l-arranġamenti u l-proċessi nazzjonali.” Din il-politika hija ukoll riflessa fid-diversi drittijiet li ġew introdotti fir-riformi li twettqu f’din il-leġiżlatura.
Matul il-kunsill sar ukoll skambju bejn l-istati membri dwar ħidma kkordinata fuq livell ta’ UE kontra l-attività tal-kriminalità organizzata li toriġina minn jew hija marbuta mal-ħabs, u kienu ukoll diskussi l-ħtiġijiet ta’ sforzi kontinwi għall-operat tat-Tribunal Speċjali għall-Kriminalità ta’ Aggressjoni, kif ukoll dwar il-ħidma Ewropea fir-regolamentazzjoni tal-irwol tal-avukati fis-sistema ġudizzjarja.



