Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard ippreżenta l-warrants lil sitt Avukati wara li dawn urew il-kompetenza tagħhom li jeżerċitaw il-professjoni legali.
F’dan ir-rigward huwa semma l-livell ta’ investiment bla preċedent fir-riżorsi umani li qed isir fl-istituzzjonijiet kollha tal-ġustizzja f’pajjiżna. Dan l-investiment qed ikun ikkumplimentat minn riformi leġislattivi sinifikanti u investiment fl-ispeċjalizzazzjoni.
“Filwaqt li nagħrfu li fadal ħafna xi jsir, ċifri dwar l-andament tal-Qorti fl-2025 jikkonfermaw l-impenn għal aktar titjib fis-settur bl-ammont ta’ kawżi deċiżi jaqbżu dawk li jidħlu ġodda,” sostna l-Ministru Attard.
Huwa saħaq li r-riformi fis-settur tal-Ġustizzja qatt ma jkunu faċli, però l-Gvern determinat li jkompli jimplimenta riformi importanti u meħtieġa fis-settur. F’dan il-kuntest huwa rrefera għal riformi oħra li se jkunu qed jersqu għall-proċess leġizlattiv fil-Parlament, inkluż ir-riforma fil-Qorti tal-Familja u dik marbuta mal-proċess tal-kumpilazzjonijiet.
“Bħala Gvern aħna impenjati li nkomplu nkunu ta’ spalla għall-professjoni legali u għal dawk li se jkunu jfittxu s-servizzi tagħkom. Wettaqna ħafna ħidma però fadal ħafna xi jsir biex naraw li jkollna ġustizzja aktar effettiva bi proċeduri aktar effiċjenti fl-aħjar interess taċ-ċittadini tagħna,” qal il-Ministru Attard.
Iċ-ċerimonja kienet indirizzata wkoll mis-Sinjur Imħallef Anthony Ellul u r-rappreżentat tal-Kamra tal-Avukati Dr Paul Micallef Grimaud.
Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Johan Galea, l-Avukat Ġenerali Dr Victoria Buttigieg, l-Avukat tal-Istat Dr Chris Soler u l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qrati, Dr Vanessa Grech.



