Wednesday, January 14, 2026

Il-Ministru Bonnici fi żjara l-MFCC hekk kif bdew uffiċjalment il-provi għall-Malta Eurovision Song Contest 2026

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici fi żjara li għamel matul il-provi tal-Malta Eurovision Song Contest 2026 saħaq li l-appoġġ tal-Gvern għal dan il-festival jifforma parti minn strateġija usa’ biex jinvesti fl-ekosistema artistika u kreattiva fil-forom varji u differenti tagħha.

Il-Ministru Bonnici enfasizza li l-produzzjoni ta’ din is-sena tiffoka fuq l-iżvilupp sħiħ tat-talent artistiku lokali. Dan jinkludi mhux biss il-kantanti, iżda wkoll l-awturi, il-kompożituri, il-koreografi u d-disinjaturi tekniċi li huma l-pedament tal-industrija.

“Il-viżjoni tagħna hi li tingħata pjattaforma internazzjonali dejjem ikbar lil firxa usa’ ta’ professjonisti involuti fil-proċess kreattiv, billi jsir investiment fl-artist kollu kemm hu sabiex l-aqwa talent Malti jilħaq livelli ġodda ta’ eċċellenza. Il-Festival tal-Eurovision nnifsu mbagħad hu opportunità biex bis-saħħa tal-kultura jitkattar id-djalogu u l-koperazzjoni bejn id-diversi pajjiżi,” stqarr il-Ministru Bonnici.

Il-Ministru rringrazzja lil aktar minn 700 ħaddiem, fosthom tekniċi u ħaddiema tax-xandir pubbliku, li qed jaħdmu bla waqfien f’Ta’ Qali. Huwa nnota li dan il-festival huwa xhieda tax-xogħol siewi u s-sinerġija tal-ekonomija kreattiva Maltija, u mument fejn il-pajjiż jista’ jħossu kburi li jista’ juri x’joffri lid-dinja kollha.

Il-vjaġġ lejn il-Eurovision Song Contest f’Vjenna jibda din il-ġimgħa b’żewġ xandiriet diretti ewlenin fuq Television Malta. Matul is-Semifinali tal-Ħamis 15 ta’ Jannar, se jiġu interpretati t-18-il kanzunetta oriġinali kollha, li minnhom jintgħażlu 12-il finalista biex javvanzaw. Il-festival jilħaq il-qofol tiegħu fil-Finali tas-Sibt 17 ta’ Jannar, meta pajjiżna jagħżel ir-rappreżentant tiegħu għall-palk internazzjonali.

Il-Malta Eurovision Song Contest 2026 se jkun ppreżentat minn Keane Cutajar, flimkien ma’ żewġ ikoni tal-Eurovision, Gaia Cauchi u Destiny, li se joffru wkoll wirjiet speċjali. Se  jkun hemm is-sehem ukoll ta’ Jamie Cardona, Ivan Grech u r-rebbieħa tas-sena l-oħra, Miriana Conte. Wieħed mill-highlights ta’ din l-edizzjoni huwa r-ritorn tant mistenni tal-grupp leġġendarju Scream Daisy, li se jitilgħu fuq il-palk biex jiċċelebraw il-mużika tagħhom. Barra minn hekk, se naraw ukoll l-istilel internazzjonali Tommy Cash u r-runner-up tal-2024, Baby Lasagna, li se jżidu dimensjoni globali mal-avveniment.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport