Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ltaqa’ mal-kantanti, kompożituri, awturi u membri tal-kumitat tal-Għanja tal-Poplu. Dan il-festival, li se jittella’ nhar is-Sibt 3 ta’ Awwissu fi Pjazza Teatru Rjal, se jinkludi s-sehem tal-Malta Concert Orchestra taħt id-direzzjoni ta’ Mro Joe Brown. L-arranġamenti għall-orkestra saru minn persuni differenti, magħżula mill-parteċipanti stess.
Din is-sena, ġew sottomessi 120 kanzunetta, li minnhom ġew magħżula 16-il finalist. Il-pubbliku jista’ jsegwi l-Għanja tal-Poplu dirett fuq l-istazzjon nazzjonali TVM nhar is-Sibt 3 ta’ Awwissu fid-20:45pm, b’ripetizzjonijiet skedati l-Ħadd 4 ta’ Awwissu fis-14:00pm u l-Erbgħa 7 ta’ Awwissu fid-21:00pm fuq TVM News+.
Il-Ministru Owen Bonnici awgura lill-finalisti kollha kull suċċess fil-kompetizzjoni u esprima l-apprezzament tiegħu għall-isforzi u l-kreattività tal-kantanti, kompożituri u awturi. Huwa nnota li l-Għanja tal-Poplu hija waħda mill-aktar pjattaformi prestiġjużi għall-mużika bil-Malti, li tkompli ssawwar u tippromwovi l-kultura mużikali lokali.
Enfasizza wkoll l-importanza li dawn l-inizjattivi jibqgħu jingħataw sostenn hekk kif iservu biex jissalvagwardjaw u jippromwovu l-lingwa u l-identità Maltija permezz tal-mużika.
Din is-sena, il-festival se jkollu żewġ ġuriji: ġurija popolari u ġurija professjonali, li t-tnejn se jkollhom l-istess sehem fl-għażla tal-kanzunetti rebbieħa għall-ewwel tliet postijiet. Se jingħataw ukoll premjijiet speċjali għall-aħjar interpretazzjoni, l-aħjar kantawtur u l-aħjar tema soċjali.
Il-mistiedna speċjali ta’ din is-sena huma Renato Micallef, li se jingħata rikonoxximent għall-kontribut tiegħu fil-mużika Maltija, kif ukoll Christian Arding, ir-rebbieħ tal-edizzjoni tal-2023. Il-koppja Joseph Galea u Antonella Galea Loffreda se jkunu l-preżentaturi ta’ din l-edizzjoni.
Il-kanzunetti finalisti tat-48 edizzjoni tal-Għanja tal-Poplu huma:
Kanzunetta – Kantant/a/i (Awtur, Kompożitur)
01. Jien Min Jien – Klikka (Renato Vella/ Steve Camilleri/ Malcolm Camilleri, Philip Vella)
02. Daqqa ta’ Pinna – Cherylis (Emil Calleja Bayliss, Mark Scicluna)
03. Jiena Missier – Dominic Cini (Etienne Micallef, Philip Vella)
04. Straight – Lon Kirkop (Kantawtur)
05. Bil-Jekk u Bil-Jewilla – Thea Gauci (Emil Calleja Bayliss, Mark Spiteri Lucas)
06. Fissidni – Dario Bezzina (Kantawtur)
07. Munita B’Żewġ Uċuħ – Kayley Cuschieri (Paul Ellul, Mark Scicluna)
08. Tgħanniqa – Leontine (Etienne Micallef, Dominic Cini)
09. Kanna Kanun – JAMM Band (Mark Cachia)
10. Dik L-Id – Jasmine Farrugia (Paul Ellul, Aldo Spiteri/ Bradley Spiteri/ Liam Spiteri)
11. Nafu Nħobbu Wkoll – Anna Azzopardi (Joe Julian Farrugia, Mark Spiteri Lucas)
12. Il-Poeta ta’ Ftit Kliem – Mark Tonna (Etienne Micallef, Dominic Cini)
13. Namra – Florence Aquilina (Kantawtur)
14. Inkiss Inkiss – Rachel Lowell (Emil Calleja Bayliss, Philip Vella)
15. Għażiża – Laura Bruno (Mark Spiteri Lucas)
16. Qsamt it-Triq – David Joseph Sammut (Alfred C. Sant)
Dan il-festival huwa organizzat mill-għaqda volontarja l-Għanja tal-Poplu b’ kollaborazzjoni ma’ Pjazza Teatru Rjal. L-Għanja tal-Poplu huwa megħjun mill-Kunsill Malti għall-Arti.