Wednesday, July 30, 2025

Il-Ministru Bonnici jiltaqa’ mal-kantanti, kompożituri, awturi u membri tal-kumitat ta’ L-Għanja tal-Poplu

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ltaqa’ mal-kantanti, kompożituri, awturi u membri tal-kumitat  ta’ L-Għanja tal-Poplu. Dan il-festival, li se jittella’ nhar is-Sibt 2 ta’ Awwissu fi Pjazza Teatru Rjal, se jinkludi s-sehem tal-Malta Concert Orchestra taħt id-direzzjoni tal-Mro. Joe Brown.

Din is-sena ġew sottomessi 124 kanzunetta oriġinali u wara proċess ta’ selezzjoni, ingħażlu s-16-il kanzunetta – xogħlijiet ġodda u varjati, mill-Maltin għall-Maltin.

Il-pubbliku jista’ jsegwi L-Għanja tal-Poplu dirett fuq l-istazzjon nazzjonali TVM nhar is-Sibt 2 ta’ Awwissu fid-20:45, b’ripetizzjonijiet skedati l-Ħadd 3 ta’ Awwissu fl-15:45 u l-Erbgħa 6 ta’ Awwissu fid-20:45 fuq TVM News+.

Il-Ministru Owen Bonnici awgura lill-finalisti kollha kull suċċess f’dan il-festival u esprima l-apprezzament tiegħu għall-isforzi u l-kreattività tal-kantanti, kompożituri u awturi. Huwa nnota li L-Għanja tal-Poplu hija waħda mill-aktar pjattaformi prestiġjużi għall-kanzunetti  bl-ilsien Malti, li tkompli ssawwar u tippromwovi l-kultura mużikali lokali. Enfasizza wkoll l-importanza li dawn l-inizjattivi jibqgħu jingħataw sostenn hekk kif iservu biex jissalvagwardjaw u jippromwovu l-lingwa u l-identità Maltija permezz tal-mużika.

Din is-sena, il-festival se jkollu żewġ ġuriji: ġurija popolari u ġurija professjonali, li t-tnejn se jkollhom l-istess sehem fl-għażla tal-kanzunetti rebbieħa għall-ewwel tliet postijiet. Se jingħataw ukoll premjijiet speċjali: il-premju għall-interpretazzjoni; il-premju għall-kantawtur; il-premju għat-tema soċjali u premju ġdid mogħti mix-xandara.

Il-festival se jkun ippreżentat minn Debbie Scerri u George Cremona, żewġ personalitajiet magħrufa fix-xena kulturali Maltija.

Il-mistieden speċjali tas-serata se jkun Joe Demicoli u qabel jitħabbru r-rebbieħa, Laura Bruno se tinterpreta l-kanzunetta ‘Għażiża’ li rebħet L-Għanja tal-Poplu 2024.

Il-Kanzunetti Finalisti 2025 (Kantant/a/i – Awtur/i, Kompożitur/i)

1. Qalbi – Jessica Micallef (Etienne Micallef, Mark Spiteri Lucas)

2. Bħal Aħwa – Avenue Sky (Joe Julian Farrugia, Philip Vella)

3. Astronawta – Lon Kirkop (Kantawtur)

4. Narakom L-Infern – Rita Pace (Rita Pace, Augusto Cardinali/Rita Pace)

5. Tgħid X’Se Nsib – Anna Azzopardi (Etienne Micallef, Dominic Cini)

6. Toninu – Mark Cachia (Kantawtur)

7. Għad Għandha Erba’ Snin – Graziella Mifsud Schembri Vella (Peppi Azzopardi, Priscilla Psaila)

8. Perla – Martina Fenech u Ishmael Grech (Emil Calleja Bayliss, Mark Spiteri Lucas)

9. Karbet Ġaħan – Danica Muscat (Paul Ellul, Mark Spiteri Lucas)

10. Ersaq ‘l Hawn – Kayley Cuschieri (Joe Julian Farrugia, Philip Vella)

11. Moħħi Mistrieħ – Mark Tonna (Rita Pace, Andrew Zahra)

12. Immorru – Francesca Zammit (Immanuel Mifsud, Francesca Zammit)

13. Skuri u Ċari – Mark Spiteri Lucas u Mark Micallef Costa (Kantawturi)

14. Inħobbok Wisq – Cherylis (Emil Calleja Bayliss, Peter Borg / Aleandro Spiteri

Monseigneur / Matt ‘Muxu’ Mercieca / Cherylis Camilleri)

15. Valletta Ġrajjieti – Haley (Joe Julian Farrugia, Philip Vella)

16. Aħfirli – Daryl Jaymes (Kantawtur)

Min jixtieq jattendi jista’ jibbukkja fuq www.ticketline.com.mt. Aktar informazzjoni dwar il-festival, il-kanzunetti u l-artisti tinstab fis-sit www.ghanjatalpoplu.org.

Dan il-festival huwa organizzat mill-għaqda volontarja L-Għanja tal-Poplu b’kollaborazzjoni ma’ Pjazza Teatru Rjal. L-Għanja tal-Poplu huwa megħjun mill-Kunsill Malti għall-Arti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport