Thursday, April 18, 2024

Il-Ministru Bonnici jżur ix-xogħol ta’ restawr fil-Victoria Lines fil-Għargħur hekk kif il-proġett miexi ġmielu

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici żar ix-xogħol ta’ restawr li qed isir fuq il-Victoria Lines fil-Għargħur mill-haddiema tad-Direttorat tar-Restawr.

Il-Ministru Bonnici rringrazzja lill-ħaddiema tax-xogħol li qed iwettqu, partikolarment meta wieħed iqis in-natura partikolari tas-sit li qed jiġi restawrat.

Il-proġett, li ra l-bidu tiegħu fis-sena 2018, se jara r-restawr ta’ żewġ meded distinti tal-Victoria Lines.

Wara li tlestew ix-xogħlijiet ta’ restawr fuq medda ta’ madwar 60m tal-Victoria Lines li tikkorrispondi mat-tul tal-Ġnien tal-Għarusa tal-Mosta (Tarġa Gap), minn Lulju 2019, id-Direttorat tar-Restawr ħa f’idejh ir-restawr tal-Victoria Lines li jaqgħu fil-konfini tar-raħal tal-Għargħur.

It-tul totali tal-Victoria Lines fil-Għargħur li qed jiġu restawrati huwa ftit inqas minn 1km. Diġa sar ir-restawr fuq aktar minn 800 metru.

Ix-xogħol manwali qed jitwettaq kollu kemm hu mill-ħaddiema fi ħdan id-Direttorat tar-Restawr u għalhekk l-ispiża ta’ dan ir-restawr hi marbuta biss mal-ispejjez tal-materjal u impjant.

S’issa ntefqu €80,000 f’dan il-proġett, liema nefqa tirrappreżenta value for money kbir meta tqis in-natura tal-proġett.

Il-proġett huwa skedat li jitlesta sal-aħħar tal-2024.

Il-Ministru Owen Bonnici stqarr li l-Gvern se jkompli jimpenja ruhu biex il-wirt li gej mill-passar inwassluh lil uliedna fil-futur. “Il-Gvern huwa kommess li jinvesti biex isaħħaħ il-Wirt patrimonjali Malti,” qal il-Ministru Bonnici.

Il-Perit Ivana Farrugia spjegat ix-xogħol li qed isir: “Ġebel oriġinali li, matul is-snin, kien waqa’ għal fuq ix-xagħar tal-madwar, inġabar bir-reqqa u ttella biex jerga jiġi nkorporat fl-infantry lines.”

Il-Perit Farrugia kompliet tispjega li sezzjonijiet oħra, definiti b’metri u metri ta’ ħajt tal-ġebel u konkos li kien inbena recentament, kellhom jinħattu u jinbnew mill-ġdid bl-użu ta’ ġebel, tal-ordni, ta’ daqs speċjali, biex jirriflettu t-tipologija tal-kostruzzjoni originali.

“Fil-preżent qiegħda tinbena mill-ġdid medda tal-infantry lines li kienet nieqsa għalkollox,” qalet il-Perit Farrugia.

Ekonomija

Sport