Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, u ċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef, żaru l-aħħar preparamenti għaċ-ċelebrazzjonijiet ta’ lejlet l-Ewwel tas-Sena fil-Belt Valletta fi Pjazza San Ġorġ.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Owen Bonnici sostna kif “Dan huwa wieħed mill-akbar avvenimenti tal-aħħar tas-sena f’pajjiżna, fejn mistenni li jattendu ’l fuq minn 50,000 persuna għalih. Dan l-avveniment mhux biss se jkun ċelebrazzjoni ta’ kultura u arti, imma wkoll opportunità unika biex nesponu talenti straordinarji lokali u internazzjonali. Matul din l-okkażjoni, ser jiġu esibiti prestazzjonijiet minn artisti ta’ kalibru għoli li se jispiraw lill-pubbliku u juru l-veru potenzjal kreattiv ta’ pajjiżna.”
Il-Ministru Bonnici saħaq li dan l-avveniment se jkompli jsaħħaħ ukoll isem Malta fuq skala internazzjonali bħala ċentru ta’ arti u kultura.
Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef sostna li jinsab onorat li għal darb’oħra se jkun qed jittella’ l-ikbar avveniment lokali bla ħlas ta’ lejlet l-Ewwel tas-Sena proprju fil-qalba tal-Belt Valletta. Micallef appella lill-pubbliku sabiex lejliet l-Ewwel tas-Sena jżur il-belt kapitali tagħna u jattendi għal dan l-avveniment sabiex igawdi minn atmosfera mill-isbaħ ta’ briju u mużika ħalli flimkien nagħlqu din is-sena u nagħtu merbħa lis-sena l-ġdida bil-kbir.
Fiċ-ċelebrazzjonijiet ta’ lejlet l-Ewwel tas-Sena se jieħdu sehem Ira Losco, The Red Electric, Shaun Farrugia u Kevin Paul. Dawn l-artisti se jwasslu wħud mill-aqwa kanzunetti tagħhom flimkien ma’ dwetti oħrajn klassiċi Maltin.
Il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet ta’ lejlet l-Ewwel tas-Sena se jkunu permezz tal-artista famuża internazzjonali Cascada. Lil Cascada ħafna jafuha għall-kanzunetti popolari immens bħal “Evacuate the Dancefloor”, “Everytime we touch” u ħafna oħrajn.
Mat-tokki ta’ nofsillejl se jkun hemm wirja kbira tal-logħob tan-nar tal-ajru fil-Port il-Kbir. Fi Pjazza San Ġorġ il-preżentaturi flimkien ma’ Dj Koroma u Dj Miggy se jkunu qed iferrħu lill-folla fil-Belt u lil dawk li se jkunu qed isegwu live fuq l-istazzjonijiet televiżivi lokali, b’mużika mill-aqwa, b’effetti speċjali fuq il-palk u b’logħob tan-nar sabiex jingħata bidu kif jixraq lis-sena 2025. Se jkun qiegħed jagħlaq is-serata mbagħad Dj D-Rey.
Dorianne Mamo, Taryn Mamo Cefai, Owen Bonnici u Keane Cutajar se jkunu qed jippreżentaw din is-serata.
Iċ-ċelebrazzjoni Nazzjonali ta’ lejlet l-Ewwel tas-Sena fil-Belt Valletta hija organizzata minn G7 Events bi Ftehim ta’ Sħubija għal Avvenimenti u Inizjattivi fuq Skala Kbira mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali. Dan l-avveniment huwa appoġġjat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Żur is-sit web vca.gov.mt u l-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għal aktar informazzjoni.