Sunday, December 22, 2024

Il-Ministru Byron Camilleri jiddiskuti l-immigrazzjoni waqt laqgħa tal-MED5

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri pparteċipa fis-summit tal-MED5 li ttella’ fl-24 u l-25 ta’ Settembru. Malta, l-Italja, Spanja, l-Greċja u Ċipru kellhom diversi laqgħat f’Malaga sabiex jiddiskutu l-aħħar żviluppi li jikkonċernaw is-suġġett tal-immigrazzjoni irregolari. Id-diskussjoni ffukat fuq il-progress li qed isir fuq il-Patt tal-Immigrazzjoni u l-Ażil tal-Unjoni Ewropea kif ukoll dwar id-dimensjoni esterna tal-immigrazzjoni.

Il-Ministru Camilleri tenna li filwaqt li d-diskussjonijiet dwar il-Patt għandhom ikomplu, għandha tittieħed azzjoni immedjata sabiex pajjiżi terzi jkunu megħjuna jżidu l-kapaċitajiet tagħhom fejn jidħol il-ħarsien tal-fruntieri. Huwa rrefera għall-esperjenza ta’ Malta fl-aħħar tnax-il xahar bħala prova tal-possibbiltà li jkun hemm tnaqqis fil-wasliet ta’ immigranti irregolari permezz ta’ koperazzjoni effettiva ma’ pajjiżi terzi.

“Malta temmen li l-Unjoni Ewropea għandha tiffoka aktar fuq dak li jgħaqqadna, milli dak li jifridna. Hemm qbil ġenerali bejn l-Istati Membri sabiex ngħinu pajjiżi terzi jindirizzaw it-traffikar tal-bnedmin, kif ukoll pajjiżi tal-oriġinu sabiex joħolqu aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ u jżidu l-kollaborazzjoni fuq ir-ritorn,” qal il-Ministru Camilleri. Huwa appella wkoll għal fondi adegwati għall-pajjiżi terzi fuq ir-rotot migratorji kolli b’mod ugwali.

Il-ħames Ministri approvaw stqarrija konġunta li tpoġġi l-istrateġija tal-prevenzjoni bħala l-ewwel prijorità fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari u t-traffikar tal-bnedmin. Dawn l-istrateġiji jridu jkunu sostnuti b’biżżejjed fondi u jieħdu konsiderazzjoni tal-bżonnijiet urġenti tal-pajjiżi ta’ tranżitu u oriġini. Fid-dawl ta’ dan, l-istqarrija tisħaq li l-fondi min-NeighborhoodDevelopmentandInternationalCooperationInstrument tal-Unjoni Ewropea jkunu operabbli malajr kemm jista’ jkun.

Minbarra l-ħidma ma’ pajjiżi terzi, il-Ministri qablu li l-avvenimenti li ġraw fuq il-fruntiera tal-UE mal-Belarus u s-sitwazzjoni fl-Afganistan ikkonfermaw għal darb’oħra l-bżonn li jkun hemm mekkaniżmu ta’ solidarjetà Ewropew li jinkludi wkoll ir-rilokazzjoni mandatorja tal-immigranti.

Ekonomija

Sport