Sunday, September 29, 2024

Il-Ministru Byron Camilleri jiddiskuti mal-pulizija fl-għassa tal-Belt

Aqra wkoll

Fl-għassa tal-Belt Valletta, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri kellu diskussjoni mal-pulizija tad-distrett, bħala parti mil-laqgħat ta’ konsultazzjoni li ser iwasslu għat-tisħiħ tal-liġijiet ta’ Malta f’każijiet ta’ vjolenza fuq uffiċjali tal-pulizija u uffiċjali pubbliċi.

Il-pulizija tkellmu mal-Ministru Byron Camilleri dwar kif ir-riżorsi li sar investiment fihom fl-aħħar snin, bħall-body cams, qegħdin jagħmlu x-xogħol tagħhom fit-toroq Maltin aktar sigur. 

Iddeskrivewhom bħala detterent għall-persuni li jkunu qegħdin jiddixxiplinaw, li jwassal biex sitwazzjoni tikkalma iżjed u jkun jista’ jsir aħjar l-infurzar tal-liġijiet. 

Din ir-riforma, flimkien ma’ bidla għal uniformijiet iktar komdi, tisħiħ fit-taħriġ u anke kundizzjonijiet tax-xogħol u pagi aħjar kienu kollha parti mill-pjan tal-gvern biex isaħħaħ il-Korp tal-Pulizija u l-ħaddiema kollha fis-setturi tas-sigurtà.

Iżda, il-ħidma f’dan ir-rigward ma tista’ tieqaf qatt. Bħalissa l-Ministru Camilleri qed jikkonsulta dwar emendi legali li jsaħħu l-pieni fil-konfront ta’ min jagredixxi membri tal-Korp tal-Pulizija jew uffiċjali pubbliċi oħra fil-qadi ta’ dmirijiethom. Fil-laqgħa mal-Ministru, il-Pulizija preżenti qalu li dawn se jagħtuhom aktar serħan il-moħħ li anke l-liġi ser tkun qiegħda tissalvagwardjahom waqt li jwettqu xogħolhom. Huma ddeskrivewhom għalhekk bħala sinjal ta’ rispett minn min jilleġiżla lejn il-Korp tal-Pulizija. 

Tkellmu kif fil-maġġoranza, is-soċjetà turihom rispett ta’ kuljum, liema rispett fissruh bħala reċiproku u li jirrifletti r-riżultati li qegħdin iġibu fil-qadi ta’ dmirijiethom, fosthom bi tnaqqis fir-rata ta’ kriminalità f’Malta. Madanakollu, sostnew li dan ma jnaqqas xejn mill-bżonn li l-liġijiet ta’ Malta jaħsbu għal sitwazzjonijiet ta’ vjolenza fuq pulizija, li minkejja li naqqsu b’67% fl-aħħar seba’ snin, anke jekk jifdal każ wieħed, dak l-uffiċjal għandha ssir ġustizzja miegħu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport