Saturday, November 23, 2024

Il-Ministru Camilleri jiċħad li kien hemm siġġu fejn il-priġunieri jinżammu marbutin u għarwenin

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u Infurzar tal-Liġi ċaħad li fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hemm xi siġġu li fuqu jintrabtu għarwenin il-priġunieri.

Huwa iddikjara dan waqt li fil-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari kien qed iwieġeb għal domandi ta’ deputati tal-Oppożizzjoni dwar is-sitwazzjoni fil-Ħabs.

Kien id-deputat Beppe Fenech Adami li staqsih għal reazjoni dwar dak li deher fil-mezzi tax-xandir fejn sejjaħ l-imsemmija prattika bħala waħda li kienet tintuża fl-Amerika Ċentrali fis-Snin 70.

Camilleri ċaħad li hemm siġġu li fuqu jintrabtu priġunieri għarwenin u b’ton ironiku irrimarka li ma jafx x’iħobb id-deputat Nazzjonalista.

Huwa ippreċiza li kien hemm siġġu li ntuża darba biex intrabat fuq parir tat-tabib u waqt li staqsa lil Fenech Adami għandu fiduċja fit-tobba nsista li huwa għandu.

Camilleri fakkar li bħalissa fil-Ħabs hemm madwar 900 priġunier u sostna li minnhom madwar 300 biss huma Maltin waqt li semma kif mill-1950 sal-2010 fih daħlu madwar 5,000 individwu.

Il-ministru li taħtu jaqa’ il-Ħabs ikkritika lill-istess deputat Nazzjonalista talli fil-perjodu li kien responsabbli mill-Ħabs kien hemm sitwazzjoni ta’ ‘free for all’ bil-klieb li suppost ifittxu d-droga spiċċaw ta’ ‘pets’ tal-ħabsin u anke bi ‘plasma screens’ fiċ-ċelel.

Waqt li nsista li dan l-aġir huwa inaċċettabbli Camilleri qal li llum hemm id-dixxiplina u għamilha ċara li jekk persuna tidħol il-Ħabs jeħtieġ li ma tibqax taħseb li qisha qiegħda barra.

Camilleri kien mistoqsi wkoll dwar is-sitwazzjoni tal-vjolenza domestika fejn irrefera għat-taqsima li twaqqfet biex tittratta din il-problema u semma kif fl-ewwel xahrejn il-Pulizija ittrattat 250 każ li kien jinvolvi 300 vittma fosthom 90 irġiel.

Il-ministru responsabbli mill-intern sostna li matul il-perjodu tal-Covid19 żdiedu r-rapporti ta’ vjolenza domestika fejn irrimarka li fl-opinjoni tiegħu iktar jaħseb li żdiedu l-każijiet milli r-rapporti fihom infushom.

Sport