Wednesday, April 24, 2024

Il-Ministru Carmelo Abela jirċievi l-Aġent Ministru Albaniż għall-Ewropa u l-Affarijiet Barranin fil-Berġa ta’ Kastilja

Aqra wkoll

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela rċieva żjara ta’ korteżija mis-Sur Gent Cakaj, l-Aġent Ministru għall-Ewropa u l-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Albanija.

Il-Ministru Abela tkellem dwar ir-relazzjonijiet bilaterali eċċellenti li jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi.

Is-Sur Cakaj semma l-potenzjal kbir li hemm f’dak li huma skambji ekonomiċi bejn iż-żewġ pajjiżi, u ħerqan sabiex fil-futur jkun hemm aktar kooperazzjoni bilaterali fl-oqsma tal-ekonomija, it-turiżmu, l-edukazzjoni u l-kultura.

Iż-żewġ Ministri ddiskutew aktar kwistjonijiet ta’ interess reċiproku, inkluż il-pandemija COVID-19 u l-isfidi marbuta magħha, speċjalment fis-settur tat-turiżmu.

Il-Ministru Abela spjega li parti mix-xogħol tiegħu, flimkien mad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tax-Xogħol (DIER), huwa li jħares ix-xogħol tal-ħaddiema.

Il-Ministru Abela tenna li l-għajnuna finanzjarja u l-miżuri tal-gvern fl-aħħar xhur, li taw spinta lill-ekonomija u l-familji tal-pajjiż, għenu lin-negozju u pproteġew eluf ta’ impjiegi.

Il-Ministru Carmelo Abela, li huwa wkoll responsabbli għall-iżvilupp sostenibbli, qal li l-Ministeru tiegħu flimkien mad-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli qed jaħdem biex jissodisfa l-obbligi ta’ Malta lejn is-sbatax-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Magħquda sal-2030.

Il-Ministri qablu dwar il-ħtieġa li tiġi infurzata aktar kooperazzjoni bilaterali fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli, anke billi jimplimentaw proġetti konġunti li jkunu ta’ benefiċċju għaż-żewġ pajjiżi.

Il-Ministru Abela semma li l-gvern qed jaħdem biex il-Budget Nazzjonali jkun skont l-għanijiet ta’ sostenibbiltà. Hu tenna li l-proposti tal-baġit se jiġu evalwati minn perspettiva ta’ żvilupp sostenibbli, bl-għan li jkollhom karatteristiċi ta’ sostenibbiltà.

Iż-żewġ Ministri qablu li jaħdmu flimkien biex jimplimentaw l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, filwaqt li jaħdmu fuq l-istrateġija biex tingħata prijorità lill-ambjent, il-policies soċjali u l-ekonomija.

Sport