Fl-ewwel fażi tal-proġett Msida Creek, li beda ftit tal-ġimgħat ilu u li għaddej b’ritmu mgħaġġel, il-periti tal-proġett spjegaw fid-dettall lill-Ministru Chris Bonett u lill-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Steve Ellul, kif is-sit tal-kostruzzjoni ġie mdawwar b’pannelli tal-konkos għoljin żewġ metri filwaqt li nħolqot rotta pedonali segregata madwar is-sit biex tħares is-sigurtà ta dawk li jgħaddu minn din iż-żona.
Bħalissa qed isiru x-xogħlijiet preparatorji li jikkonsistu minn 86 pilastru imdaħħla fl-art li ser ikunu l-bażi tal-bini ta’ triq ġdida li tgħaqqad ix-Xatt ta’ Ta’ Xbiex ma’ dik tal-Pietà. F’din iż-żona qed jitpoġġew ukoll diversi sheet piles fl-art biex jiffurmaw il-kanal tal-ilma. Barra minn hekk, qed jiġi msaħħaħ il-moll tal-madwar biex jiffaċilita iktar tħammil f’din il-parti tal-Imsida.
Fil-jiem li ġejjin, se titneħħa parti mis-central strip fi Triq Mikiel Anton Vassalli biex jinfetaħ spazju għal żewġ korsiji temporanji fid-direzzjoni lejn il-bypass ta’ Birkirkara. Din il-modifika hija meħtieġa biex jibda’ x-xogħol ta’ tiswija fuq il-ħitan ta’ din it-triq.
Il-Ministru Chris Bonett esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-progress li sar sa issa fuq dan il-proġett. “Iż-żjara tal-lum temfasizza l-impenn tagħna biex nassiguraw li dan il-proġett jibqa’ għaddej b’mod effiċjenti u bl-inqas inkonvenjent possibbli. Il-ħidma li qed issir bħalissa hija kruċjali biex nipprovdu infrastruttura tal-aqwa kwalità li tiflaħ għall-iżvilupp kontinwu tal-Imsida u ta’ pajjiżna.”
Il-ministru faħħar il-ftuħ ta’ parkeġġ pubbliku temporanju ġdid ta’ 70 spazju fi Triq Clarence għall-komunità Misidjana. Dan se jikkumpensa għat-telf ta’ spazji ta’ parkeġġ madwar is-sit, kawża tax-xogħlijiet u b’hekk tiġi mitigata din l-isfida.
Fil-ġimgħat li ġejjin se tibda fażi oħra tal-proġett fejn ser isir tħaffir madwar il-monument tal-ħaddiema biex issir it-tħejjija neċessarja għall-kanal tal-ilma li ħa jiġi ffurmat biex jipprevjeni għargħar fiż-żona. Se tiġi ffurmata wkoll triq temporanja bejn il-monument tal-ħaddiema u l-bandli, bl-għan li tiffaċilita l-aċċess għal dawk li jivvjaġġaw lejn Triq D’Argens. Dan it-tibdil fir-rotta huwa kruċjali biex jibdew ix-xogħlijiet neċessarji u tinbena t-triq li tgħaqqad Triq Ix-Xatt f’Tal-Pieta’ ma’ Triq Mikiel Anton Vassalli.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Steve Ellul żied jgħid, “It-tim dedikat tagħna qed ikompli jagħmel passi sinifikanti f’dan il-proġett trasformattiv, u se nibqgħu impenjati li nżommu trasparenza sħiħa waqt li nwettqu xogħol tal-ogħla kwalità għall-poplu Malti”.