Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri indirizza l-Laqgħa Informali tal-Ministri responsabbli mill-Politika ta’ Koeżjoni f’Varsavja, il-Polonja, fejn spjega l-messaġġi ewlenin ta’ Malta dwar id-direzzjoni futura tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE. Il-Ministru Camilleri enfasizza l-isfidi distinti li jiffaċċjaw l-Istati Membri gżejjer żgħar, filwaqt li sostna għal approċċ imfassal apposta u flessibbli għall-politiki u l-finanzjament tal-UE.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Camilleri esprima apprezzament lill-Presidenza Pollakka talli organizzat dan id-dibattitu f’waqtu, filwaqt li saħaq fuq ir-rwol kritiku tal-politika ta’ koeżjoni bħala pedament tas-solidarjetà u l-iżvilupp tal-UE.
Meta tkellem dwar is-Sensittività Territorjali fit-Tfassil tal-Politika tal-UE, il-Ministru Camilleri afferma l-appoġġ ta’ Malta għall-integrazzjoni tas-sensittività territorjali fil-politiki kollha tal-UE. Madankollu, saħaq li għal Stati Membri żgħar bħal Malta, li m’għandhomx saff reġjonali intern, dan il-kunċett irid jiġi avviċinat b’mod differenti. “L-attenzjoni tagħna mhijiex fuq l-indirizzar tad-disparitajiet interreġjonali interni, iżda fuq l-iżgurar li l-politiki tal-UE jirrikonoxxu u jirrispettaw il-limitazzjonijiet spazjali u amministrattivi tal-Istati Membri żgħar,” stqarr il-Ministru Camilleri.
Huwa appella biex il-politika ta’ koeżjoni tappoġġja soluzzjonijiet imfassla apposta u proporzjonati li jqisu l-iskala, il-kapaċità u l-karatteristiċi insulari ta’ Malta, filwaqt li wissa kontra l-allokazzjoni sproporzjonata ta’ riżorsi lir-reġjuni metropolitani għad-detriment ta’ żoni iżgħar, periferali, jew strutturalment żvantaġġati.
Dwar l-Isfidi ta’ Territorji Speċifiċi, il-Ministru Camilleri tenna l-isfidi uniċi u persistenti li jiffaċċjaw it-territorji gżejjer, partikolarment l-istati gżejjer żgħar. Huwa enfasizza li d-disparitajiet territorjali ta’ Malta huma strutturali u esterni, marbuta ma’ konnettività limitata, daqs żgħir tas-suq, u restrizzjonijiet fuq ir-riżorsi umani. Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Camilleri rrimarka li l-gżira Għawdxija tesperjenza sfidi kbar li jibqgħu marġinali f’ħafna evalwazzjonijiet u strumenti fil-livell tal-UE. Huwa ħeġġeġ biex l-insularità tiġi rikonoxxuta espliċitament u b’mod permanenti bħala vulnerabbiltà fl-istrateġiji u l-oqfsa ta’ finanzjament futuri tal-UE, mhux bħala eċċezzjoni iżda bħala kundizzjoni strutturali li teħtieġ appoġġ konsistenti.
Dwar l-Għodod Territorjali u l-Mekkaniżmi ta’ Governanza, il-Ministru Camilleri nnota li filwaqt li l-mekkaniżmi eżistenti bħall-Valutazzjonijiet tal-Impatt Territorjali u l-approċċi ta’ żona funzjonali jistgħu jkunu utli għal Stati Membri akbar, spiss ma jkollhomx applikabbiltà sinifikattiva f’kuntesti ta’ stati żgħar. “Fil-każ ta’ Malta, dak li neħtieġu huma mekkaniżmi flessibbli u ħfief li jevitaw li jimponu suppożizzjonijiet dwar l-iskala, is-saffi istituzzjonali, jew il-kapaċità amministrattiva li ma jirriflettux ir-realtà nazzjonali tagħna,” stqarr il-Ministru.
Huwa saħaq li l-prinċipji ta’ mmaniġġjar kondiviża, governanza f’diversi livelli, u żvilupp ibbażat fuq il-post iridu jibqgħu ċentrali, filwaqt li appella għal diżaggregazzjoni aħjar tal-għodod tad-data tal-UE biex jirriflettu r-realtajiet fil-mikrolivell u aktar appoġġ għall-governanza adattiva f’territorji li ma jistgħux ilaħħqu mal-kumplessità amministrattiva preżunta mill-oqfsa ta’ politika attwali.
Il-Ministru Camilleri temm billi qal li l-koerenza, is-simplifikazzjoni, u r-rilevanza jridu jiggwidaw l-evoluzzjoni tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE u politiki territorjali oħra, u jiżguraw li dawn jappoġġjaw, aktar milli jirrestrinġu bla intenzjoni, territorji iżgħar bħal Malta.