F’laqgħa mal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana ppreżenta r-Rapport Annwali ta’ Progress għal Malta u ħa sehem f’diskussjoni importanti mal-membri tal-Kunsill.
Il-Ministru Clyde Caruana stqarr li, “Ir-rapport annwali li ġie ppreżentat jikkonferma l-andament b’saħħtu tal-finanzi ta’ Malta. Id-defiċit, li kien previst li jilħaq l-4%, issa saħansitra mistenni li jkun aħjar. Sal-2026, x’aktarx jinżel taħt it-3%, u dan juri li l-miżuri tal-Budget tagħna huma sostenibbli. Dan jippermettilna nkomplu nappoġġjaw lill-familji u n-negozji mingħajr ma nrażżnu t-tkabbir ekonomiku. Aħna nibqgħu impenjati li ninvestu fil-ħiliet u l-edukazzjoni biex nassiguraw l-istabbiltà fit-tul ta’ pajjiżna.”
Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul fisser din il-laqgħa bħala waħda kruċjali li tat stampa ċara lill-imsieħba soċjali ta’ fejn jinsab pajjiżna u fejn irid imur fis-snin li ġejjin. Qal li din id-diskussjoni kontinwa bejn l-amministrazzjoni u l-MCESD turi kemm il-gvern huwa trasparenti u miftuħ għad-djalogu.
“Huwa dan is-sens ta’ djalogu onest u ċar li se jwassalna biex flimkien infasslu l-Malta ta’ għada. Malta li tixraq lill-familji tagħna, liż-żgħażagħ tagħna u lill-anzjani tagħna”, saħaq Andy Ellul. Huwa sostna li dawn id-diskussjonijiet iħallu l-frott u jwasslu għal politika li verament taħseb f’kulħadd.
Iċ-Chairperson tal-MCESD, il-Perit David Xuereb stqarr li din il-laqgħa ma kinitx iffukata biss fuq il-qagħda makroekonomika tal-pajjiż, iżda wkoll fuq kif din qed tinfluwenza l-ħajja ta’ kuljum tas-soċjetà Maltija. Din il-laqgħa inkludiet ukoll ħarsa lejn il-futur u eżaminat l-influwenza ta’ żviluppi Ewropej u globali fuq il-prijoritajiet nazzjonali ta’ Malta.
L-imsieħba soċjali tal-MCESD kkontribwew b’mod attiv għad-diskussjoni, u offrew għarfien siewi li jirrifletti r-realtajiet settorjali rispettivi tagħhom. Huma jimpenjaw ruħhom biex jipprovdu l-għajnuna meħtieġa fil-ħolqien ta’ politika nazzjonali infurmata, immirata lejn il-ġid sostenibbli tal-pajjiż fil-futur, permezz ta’ djalogu miftuħ u kostruttiv.