Saturday, October 26, 2024

Il-Ministru Evarist Bartolo f’kuntatt mal-Konsulent Speċjali tal-UN dwar il-Libja

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo llum tkellem bit-telefon dwar is-sitwazzjoni fil-Libja ma’ Stephanie Williams, il-Konsulent Speċjali dwar il-Libja tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-Ministru Bartolo wassal lis-Sinjura Williams ir-rieda tal-Prim Ministru Robert Abela biex Malta tappoġġja l-ħidma tan-Nazzjonijiet Magħquda  fil-promozzjoni ta’ djalogu inklużiv fil-Libja u fil-mobilizzazzjoni ta’ appoġġ reġjonali u internazzjonali biex tinstab bażi komuni għall-ġid komuni tal-poplu Libjan kollu.

Il-Ministru Bartolo qal lis-Sinjura Williams li jinħtieġu passi ġodda biex jappoġġjaw l-iżvilupp politiku, soċjali u ekonomiku tal-poplu Libjan biex jerġa’ jieħu l-kontroll tad-destin tiegħu stess, itemm il-firdiet interni, jibni istituzzjonijiet nazzjonali u inklużivi għall-ġid ta’ kulħadd.

Il-Ministru Bartolo qal ukoll lis-Sinjura Williams li l-Unjoni Afrikana u l-ġirien tal-Libja jeħtieġ ikunu involuti meta jittrattaw l-irtirar ta’ merċenarji barranin peress li pajjiżi bħas-Sudan u ċ-Ċad ikunu destabilizzati jekk din il-kwistjoni delikata ma tiġix ittrattata tajjeb.

Il-Ministru Bartolo saħaq dwar l-importanza li kemm jista’ jkun Libjani jkunu nklużi u kkonsultati fil-proċess politiku biex jiġi żgurat li l-eżitu tal-elezzjonijiet ikun aċċettat u rispettat minn kulħadd ladarba dawn isiru.

Sport