Thursday, December 26, 2024

Il-Ministru Evarist Bartolo f’laqgħa bilaterali mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ tal-Ungerija Péter Szijjártó

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo kellu laqgħa bilaterali mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ tal-Ungerija Péter Szijjártó, waqt żjara uffiċċjali li dan tal-aħħar għamel f’Malta.  

Waqt din il-laqgħa, il-Ministri tkellmu dwar it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi, partikolarment fl-oqsma tal-kummerċ u t-turiżmu, kif ukoll fil-qasam edukattiv fejn diġà jeżistu rabtiet importanti.

Dwar il-Libja, il-Ministru Bartolo tenna l-appell tiegħu għal Libja magħquda f’idejn il-Libjani u mmexxija mil-Libjani għall-ġid tal-Libjani, li jgħixu fil-paċi mal-pajjiżi ġirien u bla ebda theddida għal ħadd.

Huma tkellmu ukoll dwar il-migrazzjoni irregolari, fejn qablu li l-Unjoni Ewropea għandha tinvesti f’koperazzjoni sinċiera mal-pajjiżi Afrikani, minn fejn joriġinaw eluf ta’ migranti irregolari, biex dawn mhux biss ma jitilqux fuq vjaġġ perikoluż lejn l-Ewropa, iżda jkunu s-sinsla tal-progress ekonomiku u soċjali f’pajjiżhom. 

Il-Ministri nnotaw li s-sitwazzjoni fil-Libja kompliet tkabbar din l-isfida, b’aktar nies isibu inqas opportunitajiet t’impjieg u ħajja diċenti, bil-konsegwenza li aktar migranti qed ifittxu li jaqsmu l-Mediterran. F’dan ir-rigward, il-Ministru Bartolo qal li grazzi għar-relazzjoni li gvern Malti bena mal-gvern ta’ Kunsens Nazzjonali fil-Libja u bl-għajnuna tat-Torok, minn Marzu ’l hawn twaqqfu mill-inqas 3500 persuna milli jaħarbu lejn l-Ewropa.

Huwa spjega li dan kien jirriżulta fi kriżi nazzjonali bi ftit li xejn appoġġ mill-bqija tal-Unjoni Ewropea. Tant illi, fl-aħħar ħmistax-il sena, il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ħadu biss 8% tal-migranti li waslu Malta. Waqt li rringrazzja lil dawk il-pajjiżi li ħadu parti minn dawn it-8%, il-Ministru Bartolo qal li ċ-ċirkostanzi attwali jagħmlu l-prospetti ta’ rilokazzjoni aktar diffiċli. Madanakollu, huwa saħaq li r-rilokazzjoni mhijiex is-soluzzjoni u l-Unjoni Ewropea għandha taħdem aktar biex il-migranti ma jitilqux.

F’dan il-kuntest, il-Ministri nnotaw li aktar minn sentejn ilu l-pajjiżi ta’ Visegrad kkommettew €35 miljun f’għajnuna lill-Gwardja tal-Kosta Libjana, u saħqu li m’għandux jintilef aktar żmien biex din l-għajnuna timmaterjalizza u permezz tal-fondi jinxtraw dgħajjes tal-għassa għall-istess gwardja. Dan sabiex fl-istess waqt jipproteġu l-fruntiera tan-nofsinhar tal-Ewropa li tinsab totalment esposta għad-dgħajjes tat-traffikanti tal-bnedmin u tal-għaqdiet mhux governattivi li jinterċettawhom.

B’referenza għas-sitwazzjoni fil-Lvant tal-Mediterran, waqt li ż-żewġ naħat qablu fuq il-ħtieġa ta’ negozjati favur kompromess li ma jumilja lil ħadd u li jirrispetta l-liġi internazzjonali, il-Ministru Ungeriż Péter Szijjártó esprima apprezzament għar-rwol ta’ Malta li qed taħdem biex jonqsu t-tensjonijiet fir-reġjun u biex tinstab soluzzjoni paċifika għat-tilwim eżistenti.

Il-Ministru Bartolo qal li kwalunkwe azzjoni għandha tkun meqjusa u bi pjan fit-tul biex nevitaw kosegwenzi mhux mixtieqa.

Il-Ministri qablu ukoll li jikkoperaw fuq proġetti ta’ sostenn lill-komunitajiet insara madwar id-dinja, bil-Ministru Bartolo jinnota illi hemm madwar erba’ mitt Maltin mifruxa fi tnejn u ħamsin pajjiż u f’ħames kontinenti differenti jagħmlu xogħol volontarju f’komunitajiet vulnerabbli.

Ekonomija

Sport