Saturday, December 28, 2024

Il-Ministru Evarist Bartolo f’taħdidiet mal-President tal-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Libja Aguila Saleh

Aqra wkoll

Malta għandha rwol ċentrali fil-mixja lejn il-paċi u l-istabbiltà fil-Libja. Dan kien sentiment komuni fit-taħdidiet li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo kellu mal-President tal-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Libja Aguila Saleh.

Matul it-taħdidiet spikka s-sens ta’ ottimiżmu li rriżulta mill-ftehim għall-waqfien mill-ġlied dejjiemi u li għandu jwassal għar-riformi istituzzjonali u elezzjonijiet demokratiċi favur Libja magħquda għal-Libjani u f’idejn il-Libjani.

F’dan il-kuntest, il-Ministru Bartolo ġedded l-impenn ta’ Malta bħala pajjiż ġar u ħabib, li sservi ta’ pont u ta’ interlokutur ġenwin mingħajr ebda interess ulterjuri għajr il-benesseri u l-għaqda fost il-Libjani kollha.

Aguila Saleh irrikonoxxa l-isforzi ta’ Malta favur ir-riunifikazzjoni tal-Libja u żied li l-Libja issa għandha bżonn l-appoġġ u s-sostenn ta’ Malta fil-komunità internazzjonali biex jintlaħaq it-tragward ta’ tranżizzjoni politika paċifika skont ir-rieda tal-Libjani u mingħajr indħil barrani.

F’dan ir-rigward, il-Ministru Bartolo awgura li l-proċess politiku; li se jitkompla fit-Tuneżija fil-jiem li ġejjin bis-sehem tal-partijiet kollha tal-Libja; jilħaq l-għan mixtieq u dan fl-interess mhux biss tal-Libja, iżda tal-pajjiżi kollha, l-aktar dawk ġirien bħal Malta.

Il-Ministru Bartolo saħaq li pajjiżna se jagħmel il-parti umli tiegħu biex dan il-proċess jirnexxi billi jkompli jisma’ lill-partijiet kollha u tenna li Malta tista’ tkun il-vuċi onesta tal-Libja fl-Unjoni Ewropea u lil hinn.

B’ħarsa lejn il-futur tal-Libja u r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi, iż-żewġ naħat qablu fuq il-potenzjal ta’ sħubija fl-iżvilupp tal-Libja b’diversi niċeċ ekonomiċi joffru opportunità ta’ investiment u xogħol għall-imprendituri u għall-ħaddiema Maltin.

Ekonomija

Sport