Monday, December 23, 2024

Il-Ministru Falzon: “Il-kumment ta’ Alfred Grixti kien intenzjonat għad-dgħajjes tal-NGOs u mhux l-immigranti”

Aqra wkoll

“Il-kumment ta’ Alfred Grixti ma sarux b’referenza għall-immigranti iżda sar lejn id-dgħajjes tal-NGOs.” Hekk qal il-Ministru Michael Falzon b’referenza għal kummenti li l-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali għamel fil-jiem li għaddew fuq il-midja soċjali b’referenza għal appell li sar minn NGOs biex immigranti jitħallew jiddaħħlu Malta.

Dan wara li fid-dawl tal-pandemija tal-Covid-19, il-Gvern ħa d-deċiżjoni li ma jħallix lil immigranti jiddaħħlu fil-portijiet ta’ pajjiżna.

Il-Ministru Falzon tenna li Grixti għamel kemm l-apoloġiji tiegħu u fl-istess waqt iċċara l-pożizzjoni tiegħu dwar il-kummenti li nftehmu ħażin minn uħud.

“Grixti jekk ma rnexxilux jagħmel xi ħaġa kien li għen lil xi wħud biex jimlew il-gazzetti,” żied jgħid Falzon.

Alfred Grixti jiċħad li jrid l-immigranti mgħarrqin

Intant f’kumment lil Inewsmalta Grixti kien saħaq li “Fil-fatt waqt li l-maġġoranza tal-klijenti tagħna huma Maltin hemm numru mhux żgħir ta’ ‘service users’ barranin minn kull parti tad-dinja. Aħna ma niddiskriminawx bejn min għandu jirċievi s-servizzi tagħna u min ma għandux. Min hu fil-bżonn u jinsab f’ pajjiżna se ngħinuh”.

Grixti għamilha ċara li l-obbligu tiegħu huwa li jwettaq dak li jrid il-Gvern skont il-manifest elettorali waqt li jara li s-servizzi jkunu ta’ l-aqwa kwalità għal dawk kollha li jiġu bżonnhom. 

“Dan huwa dak li qed tagħmel l-FSWS. Aħna qegħdin fil-‘front line’. Jekk hu tqassim ta’ ‘methadone’ baqa’ jsir. Jekk hu programm ta’ rijabilitazzjoni baqa’ jsir. Jekk huwa ‘child protection’ baqa’ jsir. Jekk huwa xogħol mal-vittmi ta’ vjolenza domestika baqa’ jsir. Jekk huwa ħidma fil-kommunità baqa’ jsir. Jekk huwa ‘social work’ fis-settur mediku baqa’ jsir. Jekk hu xogħol ma’ persuni bla saqaf fuq rashom baqa’ jsir. F’kelma waħda aħna qegħdin fil-‘front-line’ u se nibqgħu fil-‘front line’ nagħtu dawn is-servizzi”. 

Kien f’dan il-kuntest li Grixti saħaq li fl-ebda ħin ma qal li għandhom jiġu mgħarrqin dgħajjes bin-nies fuqhom.

“Dak assolutment mhux minnu u min dawwar id-diskors b’ dan il-mod kellu skop ulterjuri li issa ħareġ ċar ħafna x’ kien”, żied jgħid il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS fil-kumment tiegħu lil dan is-sit.

Ekonomija

Sport