Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana għadu kemm ħalla l-Ministeru fil-Belt Valletta bid-dokument tal-budget 2022.
Caruana jinsab fi triqtu lejn il-Palazz ta’ San Anton sabiex minn hemm, il-President George Vella jkun jista’ jiffirma d-dokument tal-budget.
Aktar tard huwa se jkun qiegħed jidħol fil-Parlament biex ikun jista’ jingħata bidu għall-qari tad-dokument tal-budget tant mistenni.
11:00 a.m: “Budget li sar man-nies u għan-nies innifishom” – Il-PM Robert Abela
Fl-ewwel kummenti tiegħu ftit sigħat qabel il-budget 2022, il-Prim Ministru qal li din il-ġurnata tant importanti tinvolvi prinċipalment proċess ta’ konsultazzjoni wiesgħa fejn il-prodott li se jkun qiegħed jitħabbar illejla huwa l-ideat tan-nies u għalhekk sar man-nies għan-nies innifishom.
Rigward il-budget ta’ din is-sena, Abela qal li jemmen li se jkun budget tajjeb li n-nies se jieħdu pjaċir bih u b’hekk huwa naturali li tkun mistennija r-reazzjoni tagħhom wara l-qari tad-dokument imħejji.
8:30 a.m: “Malta li rridu għal uliedna” hija t-tema tal-budget 2022
It-tema għall-budget għas-sena d-dieħla li se jiġi ppreżentat illejla mill-Ministru tal-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana se tkun “Malta li rridu għal uliedna.”
Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela fuq il-midja soċjali fejn qal li b’dan il-ħsieb f’moħħna ġie mfassal il-budget.
“Naħdmu għal Malta li rridu ngħixu fiha llum. Iżda trid tkun ukoll Malta li uliedna jsibuha b’saħħitha biex fiha jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom,” qal il-Prim Ministru.
Talk.mt se jkun qiegħed jaġġornakom bid-dettalji dwar il-miżuri li se jkunu qegħdin jitħabbru.