Saturday, December 21, 2024

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej jipparteċipa fil-laqgħa informali tal-Ministri tal-Iżvilupp tal-UE

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Wasal iż-żmien li nbiddlu l-mod kif nitkellmu u naħsbu dwar l-Afrika u, aktar minn hekk, li nibdlu kif inġibu ruħna lejn l-Afrika.” Dan kien il-messaġġ imwassal mill- Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo waqt il-laqgħa informali tal-Ministri tal-Iżvilupp tal-UE li saret fid-29 ta’ Settembru 2020.

Il-Ministru Bartolo enfasizza l-ħtieġa li tinbena sħubija aktar b’saħħitha u ugwali mal-Afrika u li tikkopera wkoll fuq il-prijoritajiet ewlenin stabbiliti mill-Afrikani nfushom. “Jeħtieġ li jsir kull sforz biex il-pajjiżi Afrikani jkunu jistgħu joħolqu ġid u impjiegi”, irrimarka l-Ministru Bartolo.

Id-dibattitu ministerjali ffoka fuq kif l-UE tista’ tissieħeb bl-aħjar mod mal-Afrika fl-irkupru sostenibbli mill-pandemija COVID 19. Huma qablu dwar il-ħtieġa għal sħubija UE-Afrika b’saħħitha u l-ħtieġa għal inizjattivi konġunti, ambizzjużi u konkreti. F’dan ir-rigward, il-Ministru Bartolo tkellem dwar il-ħtieġa li tintensifika l-ħidma mal-SMEs u l-mikrointrapriżi permezz ta’ skambju tal-ħiliet u l-għarfien biex jinħoloq il-ġid u l-impjiegi fl-Afrika. “Iż-żmien biex l-Afrikani jitqiegħdu fi żvantaġġ fi skambji kummerċjali u mbagħad jinħolqu programmi biex jitimgħuhom spiċċa,” saħaq il-Ministru Bartolo.

Il-Ministri ddiskutew ukoll l-aħħar żviluppi fil-proċess ta’ negozjati bejn l-UE u l-Afrika dwar il-ftehim Post-Cotonou li se jiddefinixxi r-relazzjoni mal-kontinent ġar tal-Ewropa għall-għoxrin sena li ġejjin. Il-Ministru Bartolo enfasizza l-ħtieġa li l-Ewropa tibqa’ sensittiva għall-ħtiġijiet tal-kontinent Afrikan u li żżid l-impenn tagħha biex tibni qafas b’saħħtu.

Ekonomija

Sport