Saturday, December 21, 2024

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali f’laqgħa mal-ewwel bank fl-iskema ‘New Hope’

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes iltaqa’ mal-Bank APS, l-ewwel bank li daħal fl-iskema ‘New Hope Guarantee’. Permezz ta’ din l-iskema li tħabbret fil-jiem li għaddew, persuni li kellhom jew li għandhom mard serju jew diżabilità se jkunu megħjuna mill-gvern biex isiru sidien ta’ darhom.

Matul il-laqgħa ġie ffirmat il-ftehim bejn l-Awtorità tad-Djar u l-bank biex l-iskema tista’ tidħol fis-seħħ.

Il-banek Maltin li jimxu b’diliġenza u b’serjetà, ikollhom bżonn polza tal-assigurazzjoni sabiex isellfu l-flus lill-klijenti interessati. Dan isir biex il-werrieta tal-klijenti tagħhom ikollhom moħħhom mistrieħ jekk tinqala’ xi diżgrazzja. Dan il-kriterju jġib weġa’ u frustrazzjoni fost dawk li għaddew minn kumplikazzjonijiet mediċi jew diżabilità.

Din l-iskema mhix se tkun polza tal-assigurazzjoni iżda se toffri alternattiva sigura lill-banek biex is-self ikun jista’ jingħata mingħajr riskju fuq il-qraba tal-benefiċjarju. Il-gvern ħa jkun qed jgħin lil dawn l-individwi b’garanzija li se tkopri self massimu ta’ €250,000 fuq proprjetà li se tintuża bħala residenza primarja.

Skont il-Ministru Galdes, dawn il-persuni mhux ħa jitħallew fid-dlam. Se jingħataw tama ġdida biex il-ħolma li jsiru sidien ta’ darhom issir realtà. “Kif jixhed l-isem li ġġib, il-garanzija New Hope se tagħti tama ġdida lil ħafna nies li sal-lum kienu jgħixu fi qtigħ il-qalb,” saħaq il-Ministru Galdes.

Il-ftehim tal-lum jixhed il-fiduċja ta’ entitajiet diversi fil-viżjoni soċjali tal-gvern, żied il-ministru, filwaqt li sostna li fl-aħħar snin, “Il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali flimkien mal-Awtorità tad-Djar, imbutta element qawwi ta’ innovazzjoni soċjali, iżda dan ma kien isarraf xejn li kieku ma sabx imsieħba, inklużi banek, li jemmnu f’din il-viżjoni u li jaqsmu l-kuxjenza soċjali”.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Bank APS Marcel Cassar qal, “Meta ntlabna mill-gvern biex ngħinu f’dan il-proġett, ir-risposta kienet mal-ewwel ‘iva’. Bħala bank li għandna esperjenza vasta fis-self għad-djar, huwa ta’ swied il-qalb meta naraw persuni li jixtiequ jkunu sid ta’ darhom imma ma tkunx tista’ tinħarġilhom polza ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja minħabba xi kundizzjoni medika anke jekk tkun għaddiet. U għalkemm nippruvaw nirranġaw mod ieħor sa fejn nistgħu, dan ma jkunx dejjem possibbli”.

“In-New Hope: Guarantee Scheme timla dak il-vojt b’mod l-aktar prattiku u flessibbli. Ħdimna mill-qrib u bl-aktar effiċjenza mat-tim mill-ministeru u mill-awtorità u ninsabu kuntenti li wasalna s’hawn illum. Dan li qed inħabbru llum mhix sempliċiment skema ta’ self b’għajnuna mingħand il-gvern – dan huwa self li jibdel il-ħajjiet tan-nies”, ikkonkluda s-Sur Cassar.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay li spjega li, “Is-saħħa tal-iskema hija li tindirizza grupp żgħir ta’ persuni li għal ħafna nies setgħu kienu inviżibbli. Il-vulnerabilità ta’ dawn il-persuni mhix neċessarjament marbuta mad-dħul imma xorta waħda timpedihom mis-suq tal-proprjetà. Bi skema bħal din qed nuru fejn l-Istat għandu jiggwida lis-suq”.

Ekonomija

Sport