Saturday, November 23, 2024

Il-Ministru għall-Finanzi pparteċipa f’laqgħa tal-EUROGROUP biex jintlaħaq ftehim tal-UE li jindirizza l-isfida ekonomika u finanzjarja li ħalliet il-COVID-19

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna, flimkien mal-Ministri tal-Finanzi tal-Unjoni Ewropea, ipparteċipa f’vidjokonferenza fil-15 ta’ Mejju 2020, sabiex ikompli jiġi diskuss x’għandu jkun ir-rispons ekonomiku għall-kriżi li qed tħalli warajha l-COVID-19.

Il-ministri ddiskutew punti pendenti fir-rigward tal-Fond Ewropew tal-Garanziji li se jvara l-Bank Ewropew tal-Investiment (EIB) u qasmu ħsiebijiethom dwar il-prijoritajiet għall-pjan ta’ rkupru ekonomiku tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni Ewropea għarrfet ukoll lill-ministri dwar it-tieni emenda adottata fit-8 ta’ Mejju 2020 li testendi l-ambitu tal-Qafas Temporanju tal-Għajnuna Statali.

Il-Ministru Scicluna qal li, “l-istati membri implimentaw numru ta’ miżuri sabiex jitnaqqas l-effett tal-pandemija. Minkejja dawn id-diffikultajiet, l-istati membri bagħtu il-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali u l-Programmi tal-Istabilità/Konverġenza, iżda minħabba l-mod kif is-sitwazzjoni qed tevolvi, jeħtieġ li naġġornaw il-pjanijiet u nintroduċu baġit ta’ rkupru.” Il-Ministru Scicluna enfasizza wkoll il-ħtieġa li jkun identifikat fejn għandhom ikunu ffukati l-isforzi u l-ħtieġa li tingħata spinta lill-kunfidenza u aktar koordinazzjoni fuq livell Ewropew.

Matul il-laqgħa, il-ministri tal-finanzi esprimew il-fehmiet tagħhom ukoll dwar il-prospetti ekonomiċi taż-Żona Ewro flimkien mal-President tal-Kumitat għall-affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament Ewropew (ECON), Irene Tinagli.

Sport