Saturday, September 28, 2024

Il-Ministru għall-Ġustizzja jsostni l-impenn tal-gvern favur investiment kontinwu fl-għajnuna legali

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard indirizza Forum tal-Għajnuna Legali organizzat mill-Aġenzija tal-Għajnuna Legali b’kollaborazzjoni mal-Kumitat tal-Istudji Ġudizzjarji. Fl-intervent tiegħu, il-ministru sostna mill-ġdid l-impenn tal-gvern favur investiment kontinwu fis-servizzi tal-għajnuna legali biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess għall-ġustizzja.

Il-Ministru Jonathan Attard tkellem dwar il-progress sinifikanti li sar fl-aħħar sena, inkluż investiment storiku fl-Aġenzija tal-Għajnuna Legali primarjament bid-dħul ta’ 60 avukat u prokuratur legali ġodda. Din iż-żieda effettivament ittriplat l-għadd ta’ professjonisti legali disponibbli biex jassistu individwi li jeħtieġu rappreżentanza legali.

“Id-dritt t’aċċess għall-ġustizzja huwa fundamentali. L-impenn tagħna jmur lil hinn min-numri hekk kif jirrifletti d-dedikazzjoni tagħna li niżguraw li kull ċittadin, irrispettivament mill-isfond soċjo-ekonomiku tiegħu, ikollu aċċess għal appoġġ legali ta’ kwalità,” sostna l-ministru.

Huwa elenka numru ta’ riformi li twettqu fi ħdan l-aġenzija, li wasslu għall-ħolqien ta’ panels speċjalizzati maħsuba biex jindirizzaw il-ħtiġijiet diversi taċ-ċittadini. Dawn il-panels jiddistingwu bejn kwistjonijiet ċivili u dawk kriminali, li jippermettu allokazzjoni aktar effettiva tar-riżorsi u assistenza aktar iffukata.

Filwaqt li enfasizza l-importanza li jingħata appoġġ lil individwi vulnerabbli, il-ministru nnota wkoll it-twaqqif ta’ bordijiet apposta għall-vittmi ta’ reati u vittmi ta’ vjolenza domestika. “Il-ġustizzja teħtieġ sensittività u għarfien ibbażat fuq l-esperjenza,” kompla l-ministru.

Waħda mill-bidliet ewlenin introdotti hija l-kontinwità tar-rappreżentanza legali għall-individwi li jfittxu assistenza fi kwistjonijiet kriminali, prattika li qabel kienet limitata għal kawżi ċivili. Din ir-riforma tippermetti li tinbena fiduċja bejn il-klijenti u r-rappreżentanti legali tagħhom, filwaqt li tiżgura li l-individwi jħossuhom siguri u appoġġati matul il-proċess legali kollu.

Huwa rrefera għaż-żieda fl-istaff amministrattiv biex tissaħħaħ l-effiċjenza tal-aġenzija, biex tkun tista’ tmexxi numru dejjem jikber ta’ każijiet b’mod aktar effettiv. Sa mit-twaqqif tagħha fl-2015, l-aġenzija assistiet aktar minn 7,000 każ, fejn kull wieħed minnhom jirrapreżenta persuna li qed tfittex ġustizzja u vuċi li jistħoqqilha tinstema’.

L-investiment fl-Aġenzija tal-Għajnuna Legali jinkludi wkoll titjib fl-infrastruttura diġitali. Il-Ministru appella għal sforz kollettiv biex ikunu mħaddna teknoloġiji ġodda, biex titjieb l-effiċjenza tas-servizz u tissaħħaħ l-effiċjenza organizzattiva. Il-ministru spjega wkoll li hemm pjanijiet fis-seħħ biex jiġu żviluppati panels speċjalizzati addizzjonali, partikolarment iffukati fuq it-tfal u ż-żgħażagħ, li jirrikonoxxu l-isfidi uniċi tagħhom fi ħdan is-sistema legali.

“Id-drittijiet tat-tfal iridu jiġu salvagwardjati b’attenzjoni,” enfasizza l-ministru filwaqt li tkellem ukoll dwar l-importanza tat-taħriġ u l-iskambju tal-għarfien kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell internazzjonali.

Intant, hekk kif qed joqrob il-ftuħ tas-sena forensi, il-ministru ħa l-okkażjoni biex jirringrazzja lill-membri tal-ġudikatura, lill-avukati, lill-uffiċjali tal-qorti, u lil dawk kollha involuti fil-proċess ġudizzjarju għad-dedikazzjoni u l-ħidma tagħhom. “L-isforzi tagħkom huma kruċjali biex jinżamm l-istat tad-dritt u jiġi żgurat li ssir ġustizzja,” kompla jgħid il-Ministru Jonathan Attard.

Fi tmiem id-diskors tiegħu, huwa rringrazzja lid-Direttur tal-Għajnuna Legali Malta, is-Sur Bruno Zahra, u t-tim tiegħu għad-dedikazzjoni tagħhom.

“L-investiment tagħna fl-Aġenzija tal-Għajnuna Legali huwa essenzjali biex insostnu l-prinċipji tal-ġustizzja u l-ugwaljanza. Flimkien, nistgħu nagħmlu differenza sinifikanti fil-ħajja ta’ ħafna u naħdmu lejn soċjetà aktar ġusta għal kulħadd,” temm il-Ministru Jonathan Attard.

Il-forum serva bħala pjattaforma għal-diskussjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u s-servizzi tal-għajnuna legali b’interventi ta’ membri mill-ġudikatura u mill-professjoni legali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport