Friday, November 22, 2024

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri jżur residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Aqra wkoll

Residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li llum jgħixu fil-komunità bħala parti mill-proġett tal-Fondazzjoni RISe ukoll ħassew l-effett tal-COVID-19 u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri żarhom għal kelmtejn ta’ kuraġġ.

Meta ltaqa’ magħhom l-Erbgħa filgħodu spjegawlu kif uħud waqfu mix-xogħol u kien hemm min kellu jipposponi l-bidu ta’ xogħol ġdid. Agħar minn hekk persuni li kellhom jingħaqdu fil-programm u joħorġu mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin kellhom jistennew iktar.

“Nifhem li bħal kulħadd intom ukoll kellkom iġġorru piż f’dan il-mument li qed tippruvaw xi ħaġa ġdida. M’għandkomx taqtgħu qalbkom. La wasaltu sa hawn ibqgħu ffukati biex tibdew paġna ġdida,” kien il-messaġġ tal-Ministru Byron Camilleri li apprezza l-mod kif użaw dan iż-żmien biex għamlu ġugarelli u manutenzjoni fid-dar. 

“Meta tara dan ir-riżultat il-Gvern se jkun qed jappoġġja dar oħra tal-istess fondazzjoni li x-xogħol irid jibda’ fuqha fiż-żmien li ġej. Inħares ‘il quddiem biex naħdmu flimkien fuq il-ftuħ ta’ dar oħra,” qal il-Ministru Camilleri li enfasizza x-xogħol tajjeb li qed tagħmel il-fondazzjoni. Fil-fatt, kemm ilha li nfetħet l-ewwel dar, kien hemm iktar minn 50 persuna li għamlu l-programm. It-tmexxija tal-Fondazzjoni RISe iddiskutiet mal-Ministru l-pjanijiet tagħha u kien hemm qbil li dawn it-tip ta’ proġetti jridu jissaħħu għax is-soċjetà tista’ tgawdi minnhom.

Sport