Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, jikkundanna l-miżripreżentazzjoni tal-fatti mill-Oppożizzjoni dwar il-miżuri marbuta mal-inizjattiva ‘Reshaping Our Mobility’.
Wara li l-Ministru Bonett laqqa’ lill-ġurnalisti t-Tnejn li għadda u ta aġġornament bil-miżuri mwettqa sa issa, dawk li se jitwettqu fil-ġimagħtejn li ġejjin u miżuri oħra li twettqu qabel iż-żmien oriġinarjament ippjanat, l-Oppożizzjoni ħarġet tikkritika l-pjanijiet u l-implimentazzjoni tagħhom. Dan minkejja li dawn il-miżuri se jkunu qed jiġu implimentati fit-totalità tagħhom fuq medda ta’ 18-il xahar u wara li saru konsultazzjonijiet kontinwi mal-esperti, mal-imsieħba soċjali u mal-pubbliku.
Il-Ministru Chris Bonett sostna li, “Mill-mument li ħabbart dawn il-miżuri f’Marzu li għadda, żammejt kelmti mal-ġurnalisti li perjodikament nagħtihom żviluppi fuq kif qed jiġi mwettaq dan il-pjan. Il-fatt li l-Partit Nazzjonalista konsistentament jipprova jattakka r-riformi u fl-istess nifs jgħid li l-Gvern qed jikkopja l-ideat tagħhom turi immaturità politika, nuqqas ta’ kredibilità u aktar minn hekk konferma li l-Oppożizzjoni ma tridx li t-trasport verament jiġi indirizzat f’pajjiżna. Komdi biss jikkritikaw imma ma jipproponu xejn.”
L-istqarrija tad-deputati Mark Anthony Sammut u Joe Giglio mimlija ineżattezzi u anke nuqqas ta’ verità u jidher ċar li l-politika tagħhom hija dettata minn terzi u mhux minnhom jew mill-Partit Nazzjonalista.
Fattwalment, dan il-gvern qed ibiddel il-mod kif nivvjaġġaw fil-pajjiż. Minn trasport pubbliku effiċjenti b’rotot ġodda u oħrajn estiżi, għal investimenti bla preċedent fit-trasport bil-baħar għal koordinament aħjar bejn l-entitajiet fejn jidħlu xogħlijiet fit-toroq għal għexieren ta’ inċentivi biex jiġi organizzat aħjar it-trasport fil-pajjiż. Dan il-gvern kommess li jibqa’ jirriforma, jieħu deċiżjonijiet kuraġġużi, fuq kollox bl-għajnuna u l-involviment tan-nies. Dan għad-differenza ta’ amministrazzjonijiet preċedenti u l-oppożizzjoni tal-ġurnata li qatt ma offriet xejn f’dan is-settur u għadha bla ideat sal-lum.