Tuesday, May 14, 2024

Il-Ministru Ian Borg b’għadd ta’ laqgħat fi New York

Aqra wkoll

“Malta se tkompli taħdem sabiex tippromwovi djalogu ħaj u t-tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda”. Dan kien il-messaġġ tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg waqt laqgħa mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda António Guterres, fi New York.

Il-Ministru Ian Borg reġa’ tenna l-prijoritajiet ta’ Malta kemm-il darba tkun eletta fuq il-Kunsill tas-Sigurtà u spjega kif Malta temmen dwar l-importanza ta’ fora multilaterali bħan-Nazzjonijiet Magħquda, il-multilateraliżmu u anke ċ-charter tan-Nazzjonijiet Magħquda.

Is-Segretarju Ġenerali Guterres qal, “Malta hija pajjiż b’relazzjoni eżemplari man-Nazzjonijiet Magħquda u nistenna bil-ħerqa li nsaħħu l-koperazzjoni tagħna.”

Waqt iż-żjara fi New York, il-Ministru Borg kompla b’aktar laqgħat fosthom mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Mozambique, Verónica Macamo. Iż-żewġ partijiet qablu dwar il-bżonn ta’ aktar koperazzjoni anke fid-dawl tal-valuri sodi li ż-żewġ pajjiżi jħaddnu fejn jidħol il-multilateraliżmu.

Ritratt: MFET

Fil-Jum Internazzjonali għall-Oċeani, it-8 ta’ Ġunju, il-Ministru Borg iltaqa’ wkoll mall-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Portugall, João Gomes Cravinho. Malta u l-Portugall huma żewġ nazzjonijiet imdawra bil-baħar, b’hekk id-diskussjonijiet żviluppaw dwar il-bżonn li jsir aktar impenn dwar it-tibdil fil-klima u l-paċi u s-sigurtà fl-ibħra u fl-oċeani tal-madwar.

Il-Ministru Borg kellu wkoll laqgħa interessanti mal-Imħallef Carmel Lino Agius li fl-2018 inħatar President tal-Mekkaniżmu Internazzjonali, li jeżerċita s-setgħat residwi tal-Qrati Kriminali tan-Nazzjonijiet Magħquda, fejn Dr Borg irringrazzjah tax-xogħol u tas-servizz tiegħu. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin iltaqa’ wkoll ma’ Abdulla Shahid li qed iservi bħala l-President tas-76 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, u mal-Ministru tal-Amminstrazzjoni Pubblika tal-Ekwador Ivan Correa. Il-Ministru Ian Borg iltaqa’ wkoll mal-President u mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Iżvizzera Ignazio Cassis li ftit tal-jiem ilu kellu wkoll telefonata miegħu.

Sport