Monday, December 23, 2024

Il-Ministru Ian Borg fi żjara uffiċjali fil-Qatar

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg fl-aħħar jiem kien fi żjara uffiċjali fil-Qatar, fejn ipparteċipa f’bosta laqgħat fejn ġew diskussi pjanijiet prospettivi għas-settur tal-marittimu u dak tal-avjazzjoni.

Il-Ministru Borg beda din iż-żjara b’laqgħa uffiċjali flimkien mal-Ministru għat-Trasport u l-Komunikazzjoni tal-Qatar is-Sur Jassim Saif Ahmed Al-Sulaiti. Id-delegazzjoni Maltija ddiskutiet bosta temi, partikolarment il-kollaborazzjoni futura bejn iż-żewġ pajjiżi.

Matul din il-laqgħa, il-Ministru għat-Trasport Malti qal li, “Il-marittimu u l-avjazzjoni huma żewġ pilastri ewlenin li jikkontribwixxu b’mod sħiħ għall-ekonomija ta’ pajjiżna u dan għaliex jgħaqqduna mal-kumplament tad-dinja u huma pjattaformi b’saħħithom ħafna li jattrattaw bosta investimenti lejn pajjiżna. Malta għandha reputazzjoni għolja ħafna kemm fil-marittimu kif ukoll fl-avjazzjoni, u huwa dmir tagħna li din ir-reputazzjoni nkomplu nżommuha u nkomplu naraw li nespandu aktar l-orizzonti ta’ dawn is-setturi. Huwa għalhekk li r-reġistri ta’ dawn iż-żewġ setturi jgawdu minn rispett internazzjonali”.

F’laqgħa oħra li saret mal-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Mwani Qatar il-Kaptan Abdulla Al Khanji, id-delegazzjoni Maltija żaret il-Port ta’ Hamad, fejn ġew diskussi l-possibbiltajiet ta’ kollaborazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi fil-qasam tal-immaniġġjar tal-portijiet u t-trasport marittimu. Mwani Qatar hija responsabbli għall-ġestjoni tal-portijiet tal-baħar u t-terminals tat-tbaħħir tan-nazzjon.

Fid-dawl tal-ħidma fuq is-settur tal-avjazzjoni, il-Ministru Ian Borg flimkien mal-bqija tad-delegazzjoni ltaqa’ wkoll mal-Kap Eżekuttiv ta’ Qatar Airways Akbar Al Baker.

Bħala Ministru għall-Infrastruttura, il-Ministru Borg kien mistieden ukoll sabiex iżur żewġ grawnds tal-futbol li ġew mibnija matul l-aħħar xhur fid-dawl tat-Tazza tad-Dinja li l-Qatar se jkun qiegħed jospita aktar tard matul din is-sena. Huwa żar l-Al Bayt Stadium u l-Istadium 974.

Il-Ministru Borg temm dawn il-laqgħat bi żjara f’The Pearl Qatar, li huwa proġett infrastrutturali kbir li jattira lejh bosta turisti.

Id-delegazzjoni Maltija kienet iffurmata mill-Ministru Ian Borg, il-Kap tas-Segretarjat Marco Micallef, id-Direttur Ġenerali tal-Avjazzjoni Ċivili l-Kaptan Charles Pace u r-Reġistratur Ġenerali tar-Reġistru tal-Bastimenti Merkantili Ivan Sammut.

Għal-laqgħat u ż-żjarat imsemmija, id-delegazzjoni Maltija kienet akkumpanjata mis-Sur Charles Sultana, Ambaxxatur ta’ Malta għal Qatar.

Ekonomija

Sport