Sunday, October 27, 2024

Il-Ministru Ian Borg f’laqgħa uffiċjali f’Washington mas-Segretarju tal-Istat Amerikan Anthony J. Blinken

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti Ian Borg u s-Segretarju tal-Istat Anthony J. Blinken f’laqgħa li kellhom illum iddiskutew it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali li jmorru lura għal kważi 60 sena. It-tnejn saħqu li din il-laqgħa turi biċ-ċar l-impenn li għandhom iż-żewġ pajjiżi biex ikomplu jsaħħu l-kollaborazzjoni bejniethom f’diversi oqsma fosthom dawk tas-sigurta’ marittima, cybersecurity u s-sitwazzjonijiet fir-reġjun tal-Meditterran.

Il-Ministru Ian Borg tkellem ukoll dwar kif huwa ta’ sodisfazzjon li Malta qed tattira interess minn kumpaniji Amerikani sabiex joperaw f’pajjiżna u jħares ’il quddiem għal aktar kollaborazzjoni fir-relazzjoni kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi.

“Is-siġġu ta’ Malta fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijet Magħquda se jkun opportunita’ tajba ħafna sabiex inkunu nistgħu naħdmu aktar flimkien fil-fora multilaterali. Kien għalhekk li ddiskutejna mill-qrib il-prijoritajiet ta’ pajjiżna biex permezz ta’ djalogu flimkien, naħdmu favur l-istabbilta’ u l-paċi bejn il-pajjiżi,” sostna l-Ministru Borg.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju tal-Istat Anthony J. Blinken qal li l-Istati Uniti wkoll għandha l-għan li tkompli ttejjeb ir-relazzjonijet ma’ Malta f’bosta oqsma. Huwa sostna li jħares ’il quddiem sabiex ikun hemm kooperazzjoni importanti fiż-żmien li ġej fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda. Blinken sostna li l-Istati Uniti laqgħet ix-xogħol importanti li għamel pajjiżna fejn jidħlu r-riformi relatati mas-saltna tad-dritt.

Ġew diskussi wkoll il-gwerra fl-Ukrajna, it-tibdil fil-klima, kwistjonijiet relatati mas-settur tal-enerġija u l-Afrika.

Sport