Monday, December 23, 2024

Il-Ministru Ian Borg iniedi proġett għar-Riġenerazzjoni tax-Xatt tal-Imsida

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg nieda proġett għar-riġenerazzjoni tax-xatt fl-Imsida b’ħidma li se titwettaq mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC).

B’investiment ta’ €1.6 miljun, il-proġett mistenni li jkun maqsum f’żewġ fażijiet, bl-ewwel fażi li tibda minn nhar it-Tnejn li ġej, filwaqt li l-istess proġett għandu jkun lest lejn l-aħħar kwart tas-sena d-dieħla.

Il-Ministru Ian Borg qal li, “Il-proġetti komunitarji jibqgħu dejjem prijorità għal dan il-gvern u kif qed isir f’Marsaxlokk, l-Isla, il-Kalkara, il-Belt Valletta u anke l-Birgu, hawnhekk wkoll ġewwa l-Imsida se ssir riġenerazzjoni b’ħidma intensiva sabiex il-frott tagħha jitgawda mill-komunità kollha.”

Permezz ta’ din ir-riġenerazzjoni se jkun qed isir tisbiħ kif ukoll estensjoni tax-xatt li huwa twil madwar 350 metru, mingħajr ma tkun mittiefsa t-triq eżistenti, u b’hekk il-parkeġġ se jibqa’ dak li huwa llum.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Gino Cauchi qal li, “Fit-tfassil ta’ dan il-proġett rajna li fl-istess waqt li nkunu qed nagħtu spazji ikbar u aktar moderni għaż-żona pedonali li tintuża minn mijiet ta’ nies kuljum, jinżammu u fejn hu possibbli jittejbu l-ispazji għal parkeġġi tal-karozzi fuq in-naħa tat-triq u jitjiebu l-faċilitajiet għal min jirmiġġja d-dgħajjes f’din il-parti tal-marina.”

Dan il-proġett ta’ riġenerazzjoni mistenni joffri bosta benefiċċji lill-komunità fosthom korsija għaċ-ċiklisti ġdida, sistema ta’ irrigazzjoni, waqfiet tal-karozzi tal-linja aħjar għall-aktar siġurtà, passaġġ għall-mixi aktar sigur, sistema ta’ dawl ġdida, bankijiet ġodda li jikkumplimentaw l-ambjent tal-madwar u tiswijiet ta’ faċilitajiet li jintużaw mis-sajjieda.

Ekonomija

Sport