Friday, November 15, 2024

Il-Ministru Ian Borg jattendi għall-aħħar Kunsill tal-Affarijiet Barranin għal din is-sena

Aqra wkoll

Il-ministri għall-affarijiet barranin Ewropej iltaqgħu mal-kollegi tagħhom mill-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Ġeorġja, il-Moldova, u l-Ukrajna bħala parti mis-Sħubija tal-Lvant. L-għan ta’ din il-laqgħa kien li jafferma mill-ġdid l-impenn tal-Unjoni Ewropea għas-Sħubija tal-Lvant. Il-ministri ddiskutew modi kif jissaħħaħ l-impenn mar-reġjun u biex is-sħubija tkun imfassla għall-ħtiġijiet ta’ dawn il-pajjiżi.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg saħaq dwar l-importanza ta’ aktar investiment biex tissaħħaħ is-sigurtà u r-reżiljenza tar-reġjun, flimkien mal-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni. Il-Ministru enfasizza wkoll li ż-żieda fl-investimenti fil-konnettività u aktar sforzi biex ikun possibbli t-trasferiment tal-għarfien huma toroq ta’ benefiċċju reċiproku għal aktar kooperazzjoni.

Wara l-laqgħa tas-Sħubija tal-Lvant, il-ministri tal-Unjoni Ewropea ltaqgħu fil-format tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin u ddiskutew l-aħħar żviluppi fir-rigward tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, l-Iran, u kwistjonijiet oħra ta’ ġrajjiet kurrenti.

Dwar l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, il-Ministru Borg iddeplora l-qtil ta’ persuni ċivili u l-qerda strateġika tal-infrastruttura ċivili mir-Russja, b’mod partikolari l-infrastruttura kritika tal-enerġija. Huwa rrimarka li matul il-mandat tagħha fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, Malta se tfittex li tiżgura li l-assistenza tkompli tilħaq lil dawk l-aktar milquta minn din il-gwerra u tiżgura l-effettività tat-twassil ta’ din l-assistenza.

Dwar l-iżviluppi riċenti fl-Iran, il-Ministru Borg ikkundanna bi kbir l-eżekuzzjoni tad-dimostranti, filwaqt li enfasizza li s-sitwazzjoni hija delikata u ma tistax tibqa’ bħas-soltu. Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar l-Iran.

Fil-marġini tal-laqgħa ministerjali tas-Sħubija tal-Lvant, il-Ministru Borg iltaqa’ mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Ażerbajġan, Jeyhun Bayramov. Il-Ministri ddiskutew l-irwol ta’ Malta qabel il-mandat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda u l-isforzi ta’ medjazzjoni tal-UE bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan.

Ekonomija

Sport