Friday, November 22, 2024

Il-Ministru Ian Borg jiltaqa’ mas-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth Patricia Scotland

Malta qed taħdem biex issaħħaħ iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Commonwealth

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg iltaqa’ mas-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth Patricia Scotland, waqt żjara f’Londra, nhar il-Ġimgħa.

Fost it-temi importanti diskussi f’din il-laqgħa kien hemm l-irwol tal-Commonwealth fl-azzjoni klimatika, iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Commonwealth f’Malta, il-Laqgħa tal-Mexxejja tal-Pajjiżi tal-Commonwealth li se ssir f’Ottubru f’Samoa u l-Konferenza dwar il-Klima tan-Nazzjonijiet Magħquda (COP29) li se ssir fl-Ażerbajġan.

“Tennejna l-impenn tagħna li nkomplu niġġieldu t-tibdil fil-klima u sfidi globali oħrajn permezz ta’ sħubijiet innovattivi u kollaborazzjonijiet fi ħdan il-Commonwealth. Tkellimna wkoll dwar l-irwol importanti ta’ din l-Organizzazzjoni li tappoġġja l-pajjiżi ż-żgħar u li tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli,” qal il-Ministru Borg.

Is-Segretarju Ġenerali Scotland enfasizzat l-isforzi kontinwi tal-Commonwealth biex tappoġġja strateġiji tal-azzjoni klimatika ffukkati fuq l-adattament, il-mitigazzjoni u r-reżiljenza. Tkellmet ukoll dwar l-importanza tal-Konsorzju tal-Intelliġenza Artifiċjali tal-Commonwealth, li qed jimmira li jsaħħaħ il-ħiliet diġitali fost iż-żgħażagħ, filwaqt li jnaqqas id-distakk diġitali tal-pajjiżi ż-żgħar.

Għaż-żmien li ġej, is-Segretarju Ġenerali pproponiet kollaborazzjonijiet ġodda fost esperti ġeospazjali mill-pajjiżi tal-Commonwealth, bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea, sabiex ikomplu jtejbu l-miżuri protettivi kontra t-tibdil fil-klima. Il-Ministru Borg wera l-interess ta’ Malta li tiffaċilita d-diskussjonijiet biex din il-kollaborazzjoni tiġi mistħarrġa aktar fil-fond.

Il-Ministru Borg innota wkoll il-kontribut pożittiv taċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Commonwealth, li twaqqaf f’Malta fl-2017, sabiex jipprovdi opportunitajiet ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-qsim tal-għarfien espert tekniku fost il-pajjiżi tal-Commonwealth.

“Bl-esperjenza li ksibna f’dawn l-aħħar seba’ snin ta’ operat, Malta dalwaqt se tniedi mill-ġdid u ssaħħaħ dan iċ-Ċentru, biex niżguraw li jkompli jappoġġja lill-pajjiżi ż-żgħar, huma u jadattaw għal sitwazzjonijiet internazzjonali li kull ma jmur dejjem jinbidlu,” qal il-Ministru Borg.

Il-Ministru u s-Segretarju Ġenerali Scotland qablu dwar l-importanza li dan iċ-ċentru jkollu konnessjonijiet ma’ ċentri simili oħrajn, permezz tal-intelliġenza artifiċjali, sabiex jinħoloq post ċentralizzat ta’ kollaborazzjoni. Malta qed tħares ukoll ’il quddiem li taħdem mill-qrib maċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tal-Istati Gzejjer Żgħar li qed Jiżviluppaw (SIDS), li tħabbar waqt il-konferenza SIDS4 fl-Antigua & Barbuda aktar kmieni din is-sena.

Sport