Saturday, December 21, 2024

Il-Ministru Jo Etienne Abela jappella għal aktar investiment fil-mediċina innovattiva

Aqra wkoll

Fi New York, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela għamel intervent waqt laqgħa tan-Nazzjonijiet Maqgħuda dwar l-AMR (resistenza tal-mikrobi kontra l-antibijotiċi), fejn enfasizza l-importanza li jsir aktar investiment fil-mediċina innovattiva.

L-AMR hija waħda mit-temi prinċipali li qed tiġi diskussa fi New York, fil-marġini tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda. L-AMR hija riżultat tal-abbuż fl-użu ta’ antibijotiċi kemm mill-bnedmin, kif ukoll fis-settur veterinarju. Dan iwassal sabiex il-mikrobi ma jibqgħux suxxettibbli għall-trattamenti tradizzjonali b’riżultati negattivi għall-pazjenti. Qed jirriżulta wkoll li din il-problema qed tintensifika f’żoni fi stat ta’ gwerra.

“Sakemm qed nagħmel dan id-diskors, kull tlett minuti imutu żewġ persuni minħabba f’mikrobi reżistenti għall-antibijotiċi. Malta ilha li għarfet li din hija problema serja u globali u qed isir ħafna ħidma f’dan ir-rigward permezz ta’ pjan t’azzjoni u implimentazzjoni , fejn anke żiedna n-numru ta’ speċjalisti konsulenti fil-qasam,” saħaq il-ministru.

Huwa qal ukoll li pajjiżi kbar, minflok jinvestu f’armamenti ġodda, għandhom jużaw dan l-investiment biex titjieb il-provvista ta’ ikel u ilma nadif f’pajjiżi anqas żviluppati. Saħaq ukoll fuq il-bżonn ta’ sforz aktar b’saħħtu f’riċerka dwar antibijotiċi ġodda li jistgħu jsalvaw eluf kbar ta’ ħajjiet kuljum.

Il-ministru spjega kif Malta ħadmet flimkien mal-Barbados sabiex fis-snin li ġejjin jintlaħqu numru ta’ tragwardi f’dan ir-rigward. 

“Jekk ma jkunx hemm kura adatta u mediċina li tista’ tissodisfa l-bżonnijiet tal-pazjent, ser nibqgħu naraw nies li jbatu u jitilfu ħajjithom minħabba mard, li sa ftit snin ilu kien meqjus bħala trivjali. Huwa importanti li flimkien, fi sforz globali, niġġieldu din il-kundizzjoni li għandha potenzjal li toqtol il-miljuni”, temm jgħid il-Ministru Jo Etienne Abela.

Ekonomija

Sport