Sunday, June 22, 2025

Il-Ministru Jo Etienne Abela jisħaq fuq mekkaniżmu li jtejjeb is-sigurtà tal-provvista tal-mediċini

Aqra wkoll

Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela jinsab fil-Lussemburgu għall-EPSCO, il-Kunsill li jlaqqa’ l-Ministri għas-Saħħa Ewropej. Fost it-temi diskussi hemm, il-Promozzjoni u Ħarsien tas-Saħħa Mentali fl-era diġitali, Mediċini Kritiċi, Reviżjoni tal-Pakkett Farmaċewtiku, l-isfidi tal-misinformazzjoni, kif ukoll miżuri li jnaqqsu l-użu tat-tabakk u l-konsum tal-alkoħol. 

Fl-intervent tiegħu l-Ministru Jo Etienne Abela, meta tkellem dwar l-Att dwar il-Mediċini Kritiċi, qal kif dan jista’ jservi bħala għodda importanti biex tittejjeb is-sigurtà tal-provvista tal-mediċini. Madankollu, għandu jkun ċar il-fatt li l-mediċini għandhom jitwasslu fl-Istati Membri kollha fejn huma meħtieġa biex jinqeda kull ċittadin u ma jitħalla ħadd barra. Qal kif f’dan ir-rigward jeħtieġ li nappoġġjaw il-katina kollha tal-provvista u nintervjenu meta l-forzi tas-suq ma jiggarantux provvisti biżżejjed fl-Istati Membri żgħar jew vulnerabbli. Saħaq kif l-appoġġ għall-produzzjoni tal-mediċini u l-ingredjenti attivi tagħhom fl-UE b’mod sostenibbli huwa pass importanti ’l quddiem. Malta wriet l-appoġġ tagħha għall-proposti favur din l-industrija fl-UE.

Il-Ministru Abela qal kif pajjiżna huwa favur l-introduzzjoni ta’ xiri konġunt, li jista’ jkun għodda importanti biex jitjieb l-aċċess għal ċerti mediċini speċifiċi fi wħud mill-Istati Membri. “Il-qafas propost huwa limitat, iżda huwa importanti li nibdew minn xi mkien, biex niksbu esperjenza għall-pjanijiet tagħna fil-ġejjieni. Huwa importanti li l-ebda pazjent ma jitħalla barra, u għandu jkollna qafas li jforni lil kulħadd,” enfasizza Dr Abela.

Dwar il-Ħarsien tas-Saħħa Mentali, il-Ministru Jo Etienne Abela qal kif is-saħħa mentali hija prijorità nazzjonali ewlenija f’Malta. Saħaq li l-gvern determinat li nedukaw u nsaħħu l-litteriżmu dwar is-saħħa mentali u r-reżiljenza fit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. “Nixtiequ nkomplu ninvestu f’għodod li jaħdmu, għodod li jipprevjenu l-mard, jevitaw il-kriżijiet u jtejbu l-benesseri,” qal Dr Abela.

Meta tkellem dwar il-misinformazzjoni, il-Ministru Abela qal li Malta taqbel mal-pożizzjoni meħuda minn Franza, li jiżdiedu l-isforzi tal-UE kontra l-informazzjoni falza dwar is-saħħa. Din tattakka l-fiduċja fis-sistema tas-saħħa u sservi ta’ theddida għas-saħħa pubblika u tal-individwu.

“Nagħrfu li filwaqt li d-disinformazzjoni hija pjuttost mifruxa, ir-rappreżentazzjoni żbaljata u l-interpretazzjoni ħażina tal-evidenza huma saħansitra aktar qawwija. Aktar riċerka dwar l-algoritmi tal-midja soċjali u l-komponent tal-AI tista’ twassal għal forza favur is-sewwa. Malta temmen li investiment fl-għarfien diġitali tas-saħħa huwa ċ-ċavetta biex nindirizzaw l-isfida tal-misinformazzjoni,” qal Dr Abela. 

Fir-rigward tal-obeżità, il-Ministru qal kif Malta dalwaqt se tniedi qafas għall-prevenzjoni tal-mard mhux trażmissibbli (NCDs), strateġija dwar eżerċizzju b’saħħtu u attività fiżika, kif ukoll protokolli ġodda biex jiġu ttrattati każijiet ta’ obeżità b’kundizzjonijiet oħrajn marbuta magħha. Dwar it-tabakk u l-alkoħol qal li Malta tinsab lesta tappoġġja azzjoni soda u magħquda tal-UE.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport