Tuesday, September 24, 2024

Il-Ministru Jonathan Attard b’laqgħat kostruttivi dwar ir-riformi tas-settur tal-ġustizzja fil-Kosovo

Aqra wkoll

Waqt żjara uffiċjali fil-Kosovo, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard ipparteċipa f’sensiela ta’ laqgħat bilaterali ta’ livell għoli ffukati fuq it-titjib tas-settur tal-ġustizzja. Id-diskussjonijiet ffukaw fuq temi ewlenin immirati lejn it-titjib tal-qafas legali u l-effiċjenza ġudizzjarja.

F’laqgħa mal-Ministru għall-Ġustizzja tal-Kosovo Albulena Haxhiu, il-Ministru Jonathan Attard iddiskuta r-riformi komprensivi implimentati mill-gvern Malti. Dawn ir-riformi huma mfassla biex isaħħu s-saltna tad-dritt u jtejbu l-proċessi ġudizzjarji.

Il-Ministru enfasizza l-kuraġġ li wera l-gvern Malti meta wettaq bidliet sinifikanti, fosthom ir-reviżjoni tal-proċeduri tal-ħatra għall-ġudikatura u karigi kostituzzjonali bħall-President. Huwa rrefera wkoll għal inizjattivi strateġiċi li għaddejjin bil-għan li tiżdied l-ispeċjalizzazzjoni fi ħdan il-qrati Maltin, partikolarment fil-liġi kummerċjali, kriminali, u tal-familja.

L-aġenda tal-ministru kienet tinkludi laqgħat ma’ rappreżentanti mill-Akkademja tal-Ġustizzja, il-Kumitat tal-Leġiżlazzjoni, u l-Kunsill Ġudizzjarju tal-Kosovo. Dawn id-diskussjonijiet iffukaw fuq l-aħjar prattiċi adottati miż-żewġ pajjiżi biex jiġi żgurat proċess leġiżlattiv robust li jkompli jsaħħaħ is-settur tal-ġustizzja.

Il-Ministru Jonathan Attard faħħar lill-Akkademja tal-Ġustizzja għar-rwol vitali tagħha li tipprepara lill-imħallfin u lill-prosekuturi bl-aħħar għarfien u ħiliet legali, li jsaħħaħ l-importanza ta’ żvilupp professjonali kontinwu fil-ġudikatura.

Matul iż-żjara tiegħu, il-ministru tenna l-impenn ta’ Malta biex trawwem relazzjoni ta’ kollaborazzjoni b’saħħitha mal-Kosovo, filwaqt li sostna li sħubijiet bħal dawn huma essenzjali għaż-żewġ pajjiżi biex ikomplu jaħdmu għal sistema ġudizzjarja aktar effiċjenti u effettiva.

Il-ministru kien akkumpanjat mill-Ambaxxatriċi Maltija għall-Kosovo Juliana Scerri Ferrante. Matul din iż-żjara, l-Ambaxxatriċi Scerri Ferrante u l-Konslu Onorarju ta’ Malta fil-Kosovo s-Sur Remzi Ejupi organizzaw ċelebrazzjoni storika ta’ jum l-indipendenza fil-Kosovo, li mmarkat l-ewwel darba li avveniment bħal dan ġie organizzat fil-pajjiż.

Għaċ-ċelebrazzjoni, li wriet il-kultura Maltija, bi drawwiet u prattiċi tradizzjonali, attendew bosta dinjitarji, fosthom diversi ministri, membri parlamentari mill-Kosovo, ambaxxaturi u s-sindku ta’ Prishtina, li enfasizzaw ir-rabtiet qawwija u r-rispett reċiproku bejn Malta u l-Kosovo.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport