“Malta temmen li Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, bħala l-qafas politiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ wara l-2020, tista’ tkun ta’ benefiċċju għall-ekonomiji Ewropej billi żżomm lill-ekonomiji kompetittivi permezz tal-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u s-sostenibbiltà ambjentali”.
Hekk stqarret il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana waqt laqgħa virtwali li matulha l-ministri għall-edukazzjoni tal-Unjoni Ewoprea ltaqgħu biex jiddiskutu t-twaqqif ta’ Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025.
Id-diskussjoni ċċentrat dwar, ‘Shaping the European Education Area and the next strategic framework for European cooperation in Education and Training – The Way Forward’.
Il-pandemija COVID-19 ġabet sfidi ġodda lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ: fost dawn anke interruzzjonijiet għaċ-ċikli tal-ħajja kif nafuhom, fosthom it-tagħlim virtwali. L-għan tad-diskussjoni kienet biex ikun hemm bdil ta’ ideat dwar il-miri strateġiċi għall-kooperazzjoni Ewropea ħalli jkun żgurat li l-edukazzjoni u t-taħriġ ikompli jkollhom rwol vitali meta jiġu biex isawru s-soċjetà u l-ekonomija Ewropea futura tagħna.
Waqt l-intervent tagħha l-Ministru Caruana qalet li Malta tinnota li l-enfasi dwar l-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET) baqgħet marġinali għall-miri ġenerali taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. Imma saħqet li l-VET hija prinċipju kruċjali għal suq tax-xogħol flessibbli u kompetittiv u għal riformi ekonomiċi fit-tul. Semmiet kif pajjiżna għamel passi kbar ‘il quddiem f’dan il-qasam, fosthom: investiment ta’ €12-il miljun għal state-of-the-art workshops fl-iskejjel kollha tal-Istat, u wkoll li l-VET igawdu popolarità daqs suġġetti oħra tant li 55% tal-istudenti sekondarji għażlu tal-anqas suġġet tal-VET.
Tkellmet ukoll dwar l-isfidi ffaċċjati matul il-pandemija COVID-19 u x’effett dawn kellhom fis-setturi tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Hija qalet li Malta hija kawta mill-miri li qed jiġu proposti, minħabba li l-pandemija għada għaddejja u l-effetti tanġibbli u reali tal-COVID-19 għad iridu jiġu riċerkati u vvalutati bir-reqqa. Hawnhekk ukoll il-Ministru Caruana tkellemt dwar il-mod kif ħadem pajjiżna bl-implimentazzjoni ta’ aktar minn 50 miżura fl-iskejjel kollha fuq parir tal-Awtorità tas-Saħħa u wkoll il-ħolqien ta’ skola virtwali, apparti taħriġ intensiv kemm lill-edukaturi u wkoll lill-ġenituri.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni qalet li l-bidla f’daqqa għal tagħlim b’mod virtwali ħolqot sfidi li jistgħu jaggravaw l-inugwaljanzi fl-aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità għolja. Għalhekk, it-titjib tal-kwalità u t-taħriġ jibqa’ wieħed mill-pilastri ewlenin għal strateġija ta’ edukazzjoni Ewropea ta’ suċċess. Dan jeħtieġ fondi u investimenti kbar u f’waqthom.
Il-Ministru Caruana qalet li filwaqt li Malta tilqa’ l-ambitu tal-qafas politiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ wara l-2020 propost, imma l-qafas għandu jagħti prijorità lill-inklużjoni, il-kwistjonijiet tal-ġeneru u l-edukazzjoni multikulturali u interkulturali biex jitnaqqsu r-riskji ta’ esklużjoni.
Qalet ukoll li fil-ġejjieni, il-qafas għandu jimmira li jnaqqas il-frammentazzjoni tas-sistema kollha, isaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu dwar il-VET, jiggarantixxi flessibilità akbar għall-Istati Membri, u jiżgura sensittività akbar lejn edukazzjoni inklussiva multikulturali.
Malta tilqa’ wkoll il-finanzjament previst taħt il-Programm ‘Digital Europe’ mmirat għal ħiliet diġitali avvanzati f’oqsma ta’ intelliġenza artifiċjali, ċibersigurtà u kompjuters ta’ prestazzjoni għolja fost oħrajn. Hija t-twemmin ta’ Malta li finanzjament bħal dan se jkun ta’ benefiċċju għall-Istati Membri u l-prestazzjoni ekonomika ġenerali Ewropea u t-tkabbir fis-snin li ġejjin.
Il-Ministru Caruana qalet li l-EEA għandha rwol kruċjali biex tiggwida t-triq ’il quddiem u tista’ sservi biex tippermetti sistemi edukattivi aktar flessibbli, koerenti u aċċessibbli għal aktar opportunitajiet fl-impjegabbiltà, l-inklużjoni u l-impenn tal-komunità.