Tuesday, December 24, 2024

Il-Ministru Miriam Dalli tniedi proġett ta’ riġenerazzjoni f’Santa Luċija b’investiment ta’ nofs miljun ewro

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli ħabbret proġett ta’ riġenerazzjoni f’Santa Luċija, b’investiment ta’ nofs miljun ewro għall-ġid tal-komunità.

F’konferenza tal-aħbarijiet fi Ġnien is-Serenità, il-Ministru Miriam Dalli spjegat kif b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija, Parks Malta se tkun qed tiżviluppa u tirriġenera l-parti ta’ isfel ta’ dan il-ġnien, f’żona li sal-lum kienet abbandunata.

Permezz ta’ dan l-investiment, Parks Malta ser tkun qed toħloq spazju rikreattiv ieħor fin-nofsinhar ta’ Malta, mhux biss għall-benefiċċju tat-tfal imma għal individwi ta’ kull età. Dan l-ispazju se jkun post ideali fejn wieħed jista’ jirrilassa, jissoċċjalizza kif ukoll jagħmel attività fiżika. Dan il-ġnien ser jkun mgħammar biex iservi għall-attivitajiet mużikali, kulturali, u dawk edukattivi.

Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li proġetti simili b’kunċett innovattivi bħal dawn għandhom iservu biex ir-residenti u l-viżitaturi ta’ dan il-ġnien igawdu l-ħin liberu tagħhom fi spazji miftuħa u siguri. “B’investiment ta’ nofs miljun ewro se nkunu qegħdin nirriġeneraw spazju ieħor li fil-mument jinsab mitluq. Qed noffru spazju ieħor għall-familji, għat-tfal, għaż-żgħażagħ u l-anzjani li qed ifittxu spazji fil-lokalità biex jirrilassaw,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Żiedet li dan il-ġnien se jkun qiegħed jipprovdi diversi attivitajiet fosthom teatru Grieg u għadira fejn it-tfal jistgħu jilgħabu.

Id-disinn ta’ dan il-proġett huwa msejjes fuq il-prinċipju Ċiniż ta’ feng shui. Fil-fatt il-passaġġi mserpa tal-parti ta’ fuq u isfel tal-ġnien ser jingħaqdu flimkien biex jittrażmettu s-sens taċ-ċiklu tal-ħajja: it-twelid, it-tfulija, il-maturità u l-anzjanità. Barra minn hekk, kull element arkitettoniku u kull struttura tal-logħob ser tiġi ddisinjata b’mod li tirrifletti dan iċ-ċiklu fejn matul il-ħajja l-bniedem ikun seren aktar meta jingħaqad man-natura u b’hekk joħloq enerġija pożittiva mal-ambjent ta’ madwaru.

“Beda l-proċess biex jitwettqu x-xogħlijiet neċessarji fi Ġnien is-Serenità fejn hu meqjus bħala ġawhra għar-residenti tal-lokal. Fil-fatt il-proġett mistenni jitlesta sas-sena 2022”, qal id-Direttur Ġenerali Adrian Attard ta’ Parks Malta.

Is-Sindku ta’ Santa Luċija, Charmaine St. John, irringrazzjat lill-Ministru Dalli u lil Parks Malta ta’ dan l-investiment li se jsebbaħ din il-lokalità. “Santa Luċija nikkunsidrawha bħala pulmun fin-nofsinhar ta’ Malta u għalhekk investiment bħal dan se jkun qiegħed jikkumplimenta Ġnien is-Serenità filwaqt li jsebbaħ Ġnien l-Iskultura. Din kienet ħolma tiegħi minn meta lħaqt sindku”.

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll l-Ambaxxatur Ċiniż għal Malta, Yu Dunhai, kif ukoll membri oħra mill-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija.

Ekonomija

Sport