Saturday, December 21, 2024

Il-Ministru Miriam Dalli żżur l-impjanti tal-Enemalta biex tirringrazzja lill-ħaddiema tax-xogħol li wettqu s-Sibt filgħaxija

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fi żjara li għamlet il-Ħadd filgħodu fl-impjanti tal-Enemalta, il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli rringrazzjat lill-ħaddiema tax-xogħol li wettqu s-Sibt filgħaxija.

“F’ismi u f’isem il-Prim Ministru Robert Abela nirringrazzja lill-ħaddiema tal-Enemalta tal-mod effiċjenti u effettiv li ħadmu bih meta s-Sibt filgħaxija interruzzjoni fl-istazzjon tal-interconnector fi Sqallija kkawża qtugħ fil-provvista tal-elettriku lejn Malta. It-tekniċi tal-Enemalta żiedu l-ġenerazzjoni tal-elettriku biex fi tmien minuti, il-provvista tal-elettriku bdiet ġejja lura għan-normal. F’40 minuta, il-lokalitajiet affettwati kellhom is-servizz lura,” qalet il-Ministru Dalli.

Il-Ministru Dalli spjegat kif is-sistema li tħaddem l-Enemalta tassigura kemm jista’ jkun l-effiċjenza, imma fuq kollox huma l-ħaddiema u t-tekniċi li jaġixxu b’mod immedjat.

Flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta, l-Inġinier Jason Vella u ċ-Chairman Kevin Chircop, il-Ministru Dalli żaret iċ-ċentri ta’ kontroll tal-Enemalta fil-Marsa u l-impjanti f’Delimara. Hemmhekk hi ltaqgħet ma’ numru ta’ ħaddiema fejn ġie spjegat lilha s-sistemi li bdew jitħaddmu biex il-provvista tal-elettriku madwar Malta u Għawdex tiġi lura għan-normal fi żmien kemm jista’ jkun malajr.

L-Inġinier Vella spjega kif meta l-Enemalta esperjenzat interruzzjoni fil-provvista mill-istazzjoni fi Sqallija, il-pajjiż kien qed jieħu madwar żewġ terzi tal-provvista mill-interconnector.

“Minħabba sistema ta’ prekawzzjoni awtomatika li qiegħda installata fin-network ta’ distribuzzjoni, is-sistema tal-elettriku ġiet interrotta f’ċertu żoni biex tiġi evitata ħsara. L-impjanti li kienu qed jaħdmu bil-provvista tal-gass baqgħu għaddejjin u f’dak il-ħin kienu qed ifornu madwar 100MW ta’ enerġija elettrika. Fi żmien tmien minuti bdiet tiżdied il-ġenerazzjoni tagħhom u nxtegħlu impjanti tal-emerġenza biex fi żmien 40 minuta l-klijenti kollha tal-Enemalta kellhom is-servizz tal-elettriku lura.”  

Ekonomija

Sport