Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici għamel l-ewwel żjara uffiċjali tiegħu fl-Awtorità tal-Artijiet, fejn iltaqa’ mal-impjegati kollha. Huwa kien akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti Kevin Mahoney, miċ-Chairperson tal-Awtorità John Vassallo u mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Robert Vella.
Matul iż-żjara, il-Ministru Bonnici ħabbar it-tnedija ta’ inizjattiva ġdida: il-Worker-Student Scheme fejn se tinħareġ sejħa għall-applikazzjonijiet indirizzati għal dawk li jixtiequ jingħaqdu mal-Awtorità tal-Artijiet bħala Trainee Officers u jibdew jistudjaw fil-qasam tas-Sustainable Land Management.
Permezz ta’ din l-iskema, il-parteċipanti se jibbenefikaw minn kors akkreditat u kompletament sponsorjat fil-livell MQF 4 Award in Sustainable Land Management – li se jagħmluh fuq bażi part-time u huwa maqsum f’żewġ semestri fl-Università ta’ Malta. Il-kors għandu 16-il kreditu ECTS u jinkludi temi kruċjali bħal prinċipji ta’ sostenibbiltà, ekonomija, ippjanar aħjar u l-liġi tal-artijiet.
Dan il-kors kien oriġinarjament żviluppat għall-iżvilupp professjonali tal-impjegati li diġà jaħdmu fi ħdan l-Awtorità, fejn 16-il impjegat diġà temmew b’suċċess dan il-kors. Għal aktar dettalji tal-kors wieħed jista’ jżur https://www.um.edu.mt/courses/overview/slmscaugptd-2024-5-o/.