Saturday, December 21, 2024

Il-Ministru Owen Bonnici jiltaqa’ b’mod virtwali ma’ aktar minn 200 għalliem ġdid qabel ma jibdew is-sena skolastika

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici ltaqa’ mal-għalliema li ser ikunu qed jibdew jgħallmu din s-sena, qabel il-bidu tas-sena skolastika. B’kollox, f’din is-sena skolastika se jkollna 201 għalliem ġdid, li huwa iktar mis-sena skolastika li għaddiet, u dik ta’ qabel.

Il-Ministru Bonnici feraħ lil kull min se jibda’ sena skolastika ġdida, kemm fis-settur tal-iskejjel tal-istat, tal-knisja u dawk indipendenti.

Il-parteċipanti ġew indirizzati wkoll mis-Sinjura Sue Azzopardi, Kap tal-Iskola fl-Iskola Primarja taż-Żebbuġ, is-Sur Alfred Sant Fournier, Kap tal-Iskola fil-Fondazzjoni San Mikiel u s-Sur Mario Mallia, Kap tal-Iskola fil-Kulleġġ San Albert il-Kbir. Dawn it-tliet edukaturi esperjenzati tkellmu dwar esperjenzi ta’ kuljum, sfidi attwali u innovazzjonijiet biex iġibu bidla permezz tal-kreattività u l-kollaborazzjoni.

Il-parteċipanti ġew indirizzati wkoll mis-Sinjura Jennifer Grima mill-Kunsill tal-Professjoni tat-Tagħlim, li ddiskutiet dwar il-Kodiċi tal-Etika tal-Għalliema u l-proċeduri ta’ garanzija, filwaqt li s-Sur Grazio Grixti, Direttur fid-Direttorat għal-Litteriżmu Diġitali u l-Ħiliet Transversali ppreżenta kif wieħed jista’ jsostni l-kwalità fit-tagħlim permezz tal-użu ta’ għodda diġitali. 

Dr Jacqueline Vanhear, Direttur tad-Dipartiment tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità, tkellmet dwar il-mekkaniżmi nazzjonali ta’ assigurazzjoni tal-kwalità u xi tfisser għall-iskejjel, u kif il-partijiet interessati jistgħu kollha jikkontribwixxu biex iġibu titjib fl-iskola u jipprovdu lill-istudenti tagħna b’esperjenza edukattiva sinifikanti.

Il-Ministru Bonnici sostna li l-għalliema huma r-ruħ għal kull sistema edukattiva effettiva. Huwa qal li fuq nett tal-aġenda tal-Ministeru hemm il-ħtieġa li jkompli jittejjeb il-profil tal-professjoni tat-tagħlim, biex b’hekk titejjeb ukoll il-kwalità tal-edukazzjoni bi skop morali speċifiku sabiex l-istudenti kollha jirnexxu. 

“L-imxija tal-COVID ġabet ħafna xkiel fil-ħajja, li affettwat mhux biss lil Malta, però lill-pajjiżi kollha madwar id-dinja. Intom ser tibdew vjaġġ u ser tkunu qed tibdewh f’ċirkostanzi differenti mis-soltu, madankollu, appoġġ u sapport ser issibu, għalhekk jeħtieġ li tfittxuh meta jkollkom bżonn. Irridu nkomplu nkunu flessibbli u nieħdu ħsieb xulxin, u l-iktar importanti li nieħdu ħsieb l-istudenti tagħna filwaqt li nedukawhom biex jaffaċċjaw u jegħlbu l-isfidi ta’ kuljum. Għalkemm qed niffokaw fuq il-preżent, m’għandniex ninsew naħsbu fuq il-futur. Intom il-futur tagħna, ta’ uliedna u ta’ pajjiżna,” qal il-Ministru Bonnici.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol tenna li dawn l-isfidi nistgħu negħlbuhom flimkien billi kulħadd jikkopera u jinġibed ħabel wieħed.

Ekonomija

Sport