Il-Malta Jazz Festival, organizzat minn Festivals Malta, reġa’ lura għal sena oħra. Dan il-festival huwa wieħed mill-festivals ewlenin fil-kalendarju tal-aġenzija, u jinkludi artisti lokali u internazzjoni mill-ġeneru tal-jazz. Il-festival fetaħ b’suċċess nhar it-Tnejn 7 ta’ Lulju fil-Valletta Campus Theatre bi prestazzjoni minn Ġużé Camilleri Quartet u jagħlaq b’żewġ iljieli f’Ta’ Liesse nhar il-11 u t-12 ta’ Lulju.
Waqt żjara f’City Theatre, il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet, u l-Gvern Lokali Owen Bonnici wera s-sodisfazzjon tiegħu għas-suċċess ta’ kull sena ta’ dan il-festival li issa ilu jseħħ 35 sena.
“Festival bħal dan mhux biss jiġbor flimkien mużiċisti lokali u internazzjonali, imma wkoll jgħolli isem Malta fil-qasam kulturali u mużikali, filwaqt li joħloq spazju fejn il-pubbliku jista’ jgawdi talent ta’ livell għoli. Barra minn hekk, jikkontribwixxi biex jagħmel lil Malta destinazzjoni kulturali eċċezzjonali u jsaħħaħ il-komunità artistika lokali”, sostna l-Ministru Bonnici.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Frans Agius qal, “Is-serati f’Ta’ Liesse se jerġgħu joffru programm imżewwaq għal kull min għandu għal qalbu l-mużika Jazz. Fost l-oħrajn naraw l-artisti Peter Bernstein, Michael Mayo, Johnathan Blake, u Knower. Ma jonqsux ukoll il-prestazzjonijiet f’City Theatre minn Lukmil Pérez, Franck Amsallem, u Rebecca Martin. Żgur li huwa programm li mhux ta’ min jitilfu.”
Iktar informazzjoni fuq il-programm u l-biljetti tal-festival jistgħu jinstabu fuq il-midja soċjali tal-festival jew fuq is-sit www.festivals.mt/mjf.
Il-festival qed jittella’ minn Festivals Malta bis-sapport tal-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali u Visit Malta, u bl-għajnuna ta’ Schweppes.