F’ittra li Roderick Galdes bagħat lill-Prim Ministru Robert Abela huwa infurmah bir-riżenja tiegħu minn Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, bil-Prim Ministru Robert Abela aċċetta din ir-riżenja.
Intant f’messaġġ fuq il-mezzi soċjali, Galdes beda biex qal; “Fl-aħħar sigħat għadni kif bgħatt lil Prim Ministru l-ittra tar-riżenja tiegħi mill-kariga ta’ Ministru”
Kompla jispjega li fl-aħħar jiem safa attakat minn attakki sinkronizzati biex ikissru l-karriera politika tiegħu kif ukoll attakk personali fuqu u saħansitra fuq il-familja tiegħu. Sostna li bħalma dejjem għamel tul il-karriera politika tiegħu dejjem ġab l-interess tal-partit qabel kollox.
Fl-istess messaġġ, Galdes qal; “Jien naf li ma għamilt xejn ħażin u fuq dan ninsab seren u trankwill, iżda ma rridx li dawn l-allegazzjonijiet itapnu b’xi mod il-ħidma tal-Gvern u tal-partit li sa’ minn ċkuniti tajt kollox għalih”
Tenna li għalhekk f’dawn iċ-ċirkustanzi, kelli nieħu d-deċiżjoni li nirreżenja mill-kariga tiegħu ta’ Ministru, kariga li dejjem qdejt b’dover u b’lealta. Qal ukoll li se jkun ukoll qiegħed jara li toħroġ il-verita kollha u ismu jitnaddaf minn dawn l-allegazzjonijiet li l-ħsieb warajhom kien li jwaqqfuni mill-ħidma siewja favur il-poplu Malti u Għawdxi.

