Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna inawgura l-identità l-ġdida ta’ Global Capital Group bħala Starlife Plc.
Waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru Edward Scicluna qal, “Għal kull organizzazzjoni, il-bidla fid-dehra tagħha tfisser ħafna affarijiet. Mhux biss l-isem imma r-rieda li tinbidel. Ir-ristrutturar huwa eżerċizzju ta’ sfida, speċjalment f’dawn iż-żminijiet diffiċli. Huwa ta’ pjaċir għalhekk li nara din l-ambizzjoni, motivazzjoni u r-rieda ta’ din il-kumpanija li tkompli timxi ’l quddiem.”
Waqt id-diskors tiegħu, il-Ministru Scicluna enfasizza l-importanza tad-diversifikazzjoni u qal li, fuq livell nazzjonali, dan kien fattur kruċjali biex l-ekonomija ta’ pajjiżna tibqa’ reżiljenti. Il-Ministru Scicluna spjega li s-servizzi finanzjarji, b’mod partikolari s-settur tal-assigurazzjoni, kienu ewlenin għal din id-diversifikazzjoni. Matul is-snin li għaddew, dan is-settur irnexxa u ġibed ħafna investiment minn pajjiżi oħra. Brexit innifsu ħoloq ħafna interess f’Malta bħala ġurisdizzjoni alternattiva.
Iċ-Chairman ta’ LifeStar Paolo Catalfamo qal li, “Mindu ħadna f’idejna GlobalCapital, ħdimna bla heda biex nibdlu l-kumpanija f’waħda innovattiva u żvelta fis-suq tal-assigurazzjoni. Għaddejna minn ristrutturar qawwi meta għażilna libsa ġdida… introduċejna prattiċi iżjed effiċjenti, u organizzajna mill-ġdid l-istruttura tat-tmexxija biex niżguraw twettiq sostenibbli, barra li nsaħħu l-governanza tad-ditta. L-isem ġdid tagħna jirrifletti l-bidliet pożittivi li wettaqna biex insaħħu l-istatus tagħna bħala kompetitur rispettat u afdat f’dan il-qasam.”
“Ħadna wkoll deċizjoni strateġika biex niffokaw fuq dak li neċċellaw fih – jiġifieri l-assigurazzjoni. Kburin li rnexxielna għal snin twal inżommu l-unur li nissejħu rappreżentanti denji ta’ waħda mill-kumpaniji ewlenin fil-qasam tas-saħħa, Bupa, filwaqt li ksibna reputazzjoni soda bħala kumpanija ewlenija tal-assigurazzjoni f’Malta.”