Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, Silvio Schembri, inawgura binja ġdida f’Tas-Sliema minn fejn il-kumpanija PressEnter se tibda topera l-uffiċċju ċentrali tagħha.
Il-Ministru spjega li s-sena li għaddiet din il-kumpanija kienet ħabbret li se tkun qed tespandi l-operat tagħha f’pajjiżna u għaldaqstant bdiet taħdem fuq r-rilokazzjoni tal-operat tagħha f’binja akbar. “Illum qegħdin ninawguraw 1,500 metru kwadru ta’ spazju maqsum fuq sitt sulari, għall-espansjoni tal-operat ta’ din il-kumpanija li hija waħda minn madwar 300 kumpanija tal-iGaming li joperaw minn Malta, settur li qed jipprovdi eluf ta’ impjiegi ta’ kwalità”, qal il-Ministru Schembri.
PressEnter hija l-operatur wara wħud mill-aktar ditti popolari ta’ online casinos. Mill-2020 ‘l hawn din il-kumpanija rat il-profitti tagħha jittripplaw u n-numru ta’ ħaddiema mal-kumpanija kiber ukoll. Fil-fatt, l-ammont ta’ ħaddiema żdied b’erba’ darbiet matul dawn is-sentejn. PressEnter se tkun qed iżżid ukoll id-ditti li tirrappreżenta.
“Il-gżira tagħna hija magħrufa fis-settur tal-iGaming bħala wieħed mill-pajjiżi li għandu perspettiva tajba ta’ din l-industrija b’ġuriżdizzjoni serja u affidabbli. Ninsab kburi li kumpanija bħal PressEnter qed tuża lil pajjiżna fl-ambizzjonijiet globali tagħha. Filwaqt li Malta tifhem l-industrija tal-gaming u taħdem biex tilqa’ għall-isfidi ta’ dan is-settur, li dejjem qed jikber, għandna wkoll il-viżjoni li nġibu flimkien lill-partijiet ikkonċernati kollha ta’ dan is-settur biex nisimgħu l-opinjoni u l-ideat tagħhom biex inkomplu ntejbu s-sistema tagħna u nkunu aktar effiċjenti”, sostna l-Ministru Silvio Schembri.
Hu tkellem ukoll dwar il-bżonn li jinħoloq bilanċ bejn l-industrija tal-iGaming u l-logħob responsabbli. “Għalkemm naħdmu flimkien mal-industrija biex nattiraw aktar kumpaniji jiġu Malta, l-industrija għandha wkoll tkun responsabbli u tadotta l-miżuri li hemm bżonn”, qal il-Ministru Schembri.