Saturday, November 23, 2024

Il-Ministru Silvio Schembri: Pass eqreb lejn rebħa tas-sens komun

Aqra wkoll

L-Airmalta u l-Unjin tal-Cabin Crew iffirmaw ftehim kollettiv ġdid biex il-kumpanija topera b’aktar sostenibiltà u kompetittività

Minn MARIA AZZOPARDI

Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri ddeskriva l-iffirmar tal-ftehim kollettiv li ġie ffirmat ilbieraħ bejn l-Air Malta u l-Unjin tal-Cabin Crew bħala “pass eqreb lejn rebħa tas-sens komun, rebħa ta’ pajjiż”. It-tibdil fil-ftehim kollettiv se jippermetti biex il-kumpanija tkun aktar effiċjenti u sostenibbli filwaqt li se jassigura li l-ebda impjieg tal-cabin crew jitlef ix-xogħol tiegħu kemm dawk li huma fuq kuntratti definiti kif ukoll dawk li huma fuq kuntratti indefiniti.. “Dan għaliex,” qal il-Ministru Schembri, “kull ħaddiem huwa importanti u wara kull ħaddiem hemm familja.” Dan it-tibdil jgħin ukoll biex il-kumpanija tkun f’pożizzjoni aktar kompetittiva. Fl-istess waqt qed jiġi maqbul bejn l-unjin u l-gvern li kwalunkwe ftehim iehor li sar mal-gvern fil-passat jiġu terminati kollha

Il-Ministru Schembri sostna li jinsab sodisfatt li wara numru ta’ diskussjonijiet, il-maġġoranza tal-cabin crew fehmu li s-sitwazzjoni preżenti kienet waħda iebsa u għalhekk ħadu deċiżjonijiet huma stess iżda fl-istess ħin mingħajr ma l-kumpanija jkollha terfa’ piżijiet żejda. “Il-kumpanija ma kellix għażla, jew tkun effiċjenti u tinħall mill-passat, jew tnaqqas il-ħaddiema jew saħansitra tfalli. Il-prijorità hija li nara l-operat tal-Air Malta jagħmel sens ekonomikament biex tkun sostenibbli u nara li pajjiżna jibqa’ jkollu linja tal-ajru li jixraqlu b’servizz ta’ kwalità,” qal Schembri.

Il-Ministru Schembri qal li Malta hija parti mid-dinja u għalhekk anke hi ħasset l-effett tal-akbar kriżi fis-settur tal-avjazzjoni. L-għeluq tal-ajruport kien ifisser sfida kemm għal pajjiżna kif ukoll għal-linja nazzjonali tal-ajru fejn minn 10 ajruplani kuljum naqset l-operat għal wieħed biss filwaqt li x-xogħol tal-kumpanija marbut mat-turiżmu “sparixxa” ħlief għat-titjiriet ta’ ripatrijazzjoni u ġarr ta’ merkanzija essenzjali, fost oħrajn. Il-Ministru Schembri qal li dan fisser li l-kumpanija tilfet id-dħul kollu tagħha bil-konsegwenza li qabdet it-triq għall-kollass.

Minn hemmhekk, il-Ministru Schembri spjega li bdew numru ta’ diskussjonijiet mal-unjins li waslu biex il-kumpanija tieħu ċertu deċiżjonijiet iebsin iżda kulħadd ġibed ħabel wieħed u fehem li dan mhux żmien ta’ x’se nigwadanjaw imma żmien li jittieħdu deċiżjonijiet biex il-kumpanija tkun sostenibbli u ssalva minn dan il-“maltemp” ekonomiku.

Il-Ministru Schembri rringrazzja lill-Unjin tal-Cabin crew u l-membri tagħha talli fehmu l-bżonn li jinbidlu ċertu kundizzjonijiet fil-ftehim kollettiv li ma kinux qed jgħinu biex il-kumpanija tkun kompetittiva. 

Il-Ministru Schembri appella biex l-Unjin tal-piloti tagħmel is-sagrifiċċji li diġà għamlu l-unjins oħra u sostna li s-sens komun għandu jkun fuq nett tal-aġenda tad-diskussjonijiet. “Għalija mhux aċċettabbli li nħalli l-problemi taħt it-tapit. Mhux aċċettabbli li l-kumpanija tibqa’ topera f’xifer il-falliment. Se nibqa’ nkun ta’ appoġġ biex jittieħdu deċiżjonijiet anke jekk forsi dawn ikunu iebsin. Se nkomplu naraw li nassistu l-Air Malta biex ittejjeb l-operat tagħha u terġa’ ttir mingħajr dewmien,” qal Schembri.

Sport