Thursday, May 15, 2025

Il-mira tiegħi hi li nibqa’ nissaħħaħ kemm nista’ biex inkun nista’ ‘l quddiem nitla’ iktar fuq il-podju – Gesred Borg

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn iċ-ċikliżmu?

Minn mindu kont żgħir kont niġri bir-rota bħal kull tifel, biss qatt ma tħajjart nagħmlu bħala sport għax kont nilgħab il-futbol sa 18-il sena biss imbagħad qlibt fuq il-bodybuilding u kont waqaft ta’ 30 sena wara li kelli injury. Bdejt ir-rota ta’ 35 sena biex nagħmel ftit eżerċizzju biex insaħħaħ saqajja u l-abdominali.

Meta ftit wara iltqajt ma’ nies li għamilt ħbieb magħhom u ħajruni nibda nieħu t-taħriġ bis-serjetá biex inkun nista’ nibda ntellaq. 

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?

Is-suċċessi għalija mhux biss ir-rebħ imma billi tkun kuntent b’dak li tagħmel u tgħid jien wasalt s’hawn bis-saħħa tiegħi. Fl-2024 kont sejjer tajjeb u kont qed intellaq mal-elite, imbagħad f’nofs il-kampjonat kelli aċċident f’tellieqa u kelli nieqaf mit-tlielaq. Din is-sena ddeċidejt li nidħol mal-Masters 40+ għax illum il- ġurnata għandi 41 sena u kuntent ħafna li ta’ 41, f’April li għadda rbaħt l-ewwel tellieqa tiegħi u fil-11 ta’ Mejju fit-‘time trial’ ksibt it-tielet post, u għalhekk kuntent ħafna li għamilt titjib u t-taħriġ li nagħmel qed isarraf fit-tajjeb. 

Kif tqis il-livell taċ-ċikliżmu f’pajjiżna fil-preżent?

Il-livell taċ-ċikliżmu f’pajjiżna huwa tajjeb ħafna. Għandna atleti għadhom żgħar li ghandhom potenzjal kbir. 

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Ir-riżorsi fil-pajjiż huma limitati fejn aħna nagħmlu t-taħriġ tagħna ħafna drabi fit-triq fejn hemm bżonn iktar għarfien fejn il-pubbliku ikun edukat biżżejjed li aħna nkunu qed nitħarrġu u mhux biex indejqu lis- sewwieqa. Wara kollox it-triq għandu d-dritt li tintuża minn kulħadd l-istess. Biex intellqu insibuha naqra diffiċli minħabba l-permessi tat-toroq u nifhem għax biċ-ċokon tal-pajjiż hija naqra difficli imma nirringrazzja lill-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu (MCF) li b’xi mod tagħmel l-almu tagħha biex tirranġa u jkunu jistgħu isiru t-tlielaq u nirringrazzja wkoll lill-Pulizija, Transport Malta (TM), u l-LESA tal-ħidma kollha tagħhom. 

Kif qed tħares lejn il-futur tieghek f’dan l-isport?

Il-futur tiegħi fiċ-ċikliżmu huwa li sakemm il-Bambin jagħtini s-saħħa nibqa’ nagħmel it-taħriġ u ntellaq għax ngħidu kollox nikber qiegħed … biss ma naqtax qalbi la wasalt s’hawn. Il-mira tiegħi hi li nibqa’ nissaħħaħ kemm nista’ biex inkun nista’ ‘l quddiem nitla’ iktar fuq il-podju. Biss jekk xi darba tasal il- ġurnata li nieqaf nikkompeti, ir-rota nżommha żgur bħala delizzju u nibqa’ naqdef għax ir-rota tfisser libertá u sabiħa wisq u tieħdok fejn trid. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika ċ-ċikliżmu.

Jien nixtieq ngħaddi l-aħħar messaġġ tiegħi billi nħeġġeġ iktar żgħażagħ u anke nies ikbar fl-etá biex jibdew jipprattikaw dan l-isport tant sabiħ u li tant iżommok fit u b’saħħtek mhux biss bħala sport imma anke għal quddiem meta nikbru biex inżommu qalbna żagħżugħa u b’saħħitha biex innaqqsu l-problemi ta’ saħħa għal meta nikbru. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport