Monday, December 1, 2025

“Il-Miscarriage Leave huwa sinjal qawwi mill-Istat u mis-soċjetà”- Prof. Yves Muscat Baron

Aqra wkoll

Il-Professur Yves Muscat Baron, Clinical Chairperson fid-Dipartiment tal-Ostetrija u l-Ġinekoloġija fl-Isptar Mater Dei, iddikjara li l-Miscarriage Leave se jgħin biex kemm il-mara kif ukoll il-partner, flimkien, ikollhom żmien biżżejjed biex ikunu jistgħu jirkupraw minn din it-trawma.

“Il-Miscarriage Leave huwa sinjal qawwi mill-Istat u mis-soċjetà, li tirrikonoxxi li l-koppja pprovat tesperjenza l-miraklu tal-ħajja li issa ntilfet u għandhom bżonn żmien biex jirkupraw mis-sagrifiċċju li għaddejjin minnu,” qal Prof. Muscat Baron f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha tħabbar pakkett ta’ miżuri soċjali intiżi li jgħinu lill-familji. 

Ewlenin fost dawn il-miżuri, li se jidħlu fis-seħħ b’mod ħolistiku mill-1 ta’ Jannar 2026, hemm il-Miscarriage Leave, li huwa intiż sabiex jagħti sostenn lill-koppji li jkunu korrew it-tqala tagħhom.

Fid-diskors tiegħu, Prof. Muscat Baron semma kif din is-sena nfetħet l-Early Pregnancy Unit fl-Isptar Mater Dei għal persuni li jsofru minn korriment fil-perkors tat-tqala tagħhom. Sala simili nfetħet ukoll fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Huwa spjega li ftit tal-ġimgħat ilu kellu pazjenta li sfortunatament għaddiet mit-tieni korriment tagħha. Enfasizza li din il-koppja għalkemm għaddew minn din it-trawma kellhom kuraġġ jgħidulu li bl-Early Pregnancy Unit “ma kien hemm l-ebda paragun mat-trawma li għaddew mill-ewwel miscarriage.”

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul li spjega kif mill-bidu tas-sena d-dieħla, nisa li jkorru u kif ukoll il-partner tagħhom, se jingħataw sebat ijiem leave tax-xogħol mingħajr telf ta’ paga, b’dan il-leave se jkun qed jagħmel tajjeb għalih il-Gvern. 

Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul żied jgħid li l-leave se japplika għall-koppji kollha irrispettivament jekk humiex miżżewġin jew le, u anke lill-koppji tal-istess sess. Spjega li l-leave se jingħata lil koppji fejn il-mara tkun korriet qabel it-tnejn u għoxrin ġimgħa ta’ tqala, skont il-linji gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

Dr Ellul spjega wkoll illi l-ebda ħaddiem mhu se jiġi mċaħħad milli jieħu dan il-leave, hekk kif dan se japplika għal dawk li jaħdmu full-time u anke part-time kemm fis-servizz u s-settur pubbliku u kif ukoll dawk fil-privat. Dawk part-time se jitħallsu fuq bażi pro-rata. 

Il-leave, kompla jispjega s-Segretarju Parlamentari, se japplika wkoll għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, bir-rata li se jitħallsu biha se tkun ibbażata fuq il-paga medjana, li tammonta għad-doppju tal-paga minima nazzjonali. 

Dr Ellul qal illi biex wieħed japplika għal dan il-leave se jintalab ċertifikat mediku mingħand il-ġinekologu tal-mara. Spjega li ċ-ċertifikat m’għandux jinkludi dettalji dwar il-każ, u se jkun japplika wkoll għall-partner tal-mara. B’hekk, qal illi se tkun qed tiġi protetta l-privatezza tal-koppja f’mument daqstant sensittiv. 

Żied jispjega li grazzi għall-ħidma flimkien mal-Ministeru tal-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, dawn il-koppji se jkunu qed jingħataw sapport psikoloġiku, mingħajr ħlas, provdut minn Positive Parenting Malta. Dan filwaqt, spjega Dr Ellul, illi min iħaddem għandu jittratta kull każ bl-akbar kunfidenzjalità, u dwar dan qal li l-imsieħba soċjali ħarġu b’linji gwida li se jkunu aċċessibbli online. 

Mill-konsultazzjoni b’rabta mal-Miscarriage Leave ħarġu diversi punti oħra li lkoll sar xogħol fuqhom u li ġew implimentati bħala parti mill-pakkett ta’ miżuri soċjali li qed jiġi mħabbar.  

Ewlenin fost dawn kienet li ommijiet li jwelldu tarbija mejta wara tnejn u għoxrin ġimgħa ta’ tqala ma kienu intitolati għall-ebda forma ta’ leave. Dan issa ġie solvut bl-introduzzjoni ta’ emenda legali, li se tara dawn l-ommijiet jieħdu l-Leave tal-Maternità b’mod sħiħ. 

Punt ieħor li ħareġ mill-konsultazzjoni dwar il-Miscarriage Leave, kien illi jekk ġenitur jitlef lil uliedu minuri, jiġifieri taħt it-tmintax-il (18) sena, kien intitolat għal jum jew tnejn ta’ leave, skont f’liema settur wieħed jaħdem. Dan, qal is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, ma kienx jagħmel sens, u għalhekk sar xogħol biex jittella’ għal sebat ijiem ta’ xogħol, bil-leave addizzjonali jitħallas mill-Gvern, mingħajr telf ta’ paga. 

Dan il-bereavement leave wkoll se japplika għal kull tip ta’ ħaddiem, kemm dawk fis-settur jew is-servizz pubbliku, dawk fil-privat, dawk fuq bażi full-time u anke part-time. Dawn tal-aħħar se jitħallsu fuq bażi prorata. Ħaddiema li jaħdmu għal rashom (self-employed) se jkunu wkoll intitolati għal dan il-leave, u se jitħallsu skont il-paga medjana, ekwivalenti għad-doppju tal-paga minima nazzjonali.

Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul temm jgħid li dawn kollha huma miżuri intiżi li jsostnu lill-ġenituri fl-aktar mumenti sensittivi ta’ ħajjithom. Dr Ellul qal li din l-għajnuna, kemm finanzjarja u anke psikoloġika, ma ttaffi xejn mit-telfa li jkunu għaddew minnha, iżda flimkien qed ngħaddu messaġġ lil dawn il-familji li huma ma jinsabux waħidhom u jistħoqqilhom ħin ta’ mistrieħ u privatezza.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport